Saturday, May 4, 2024

Titnieda l-14-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-14-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem, il-presepju ħaj mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru u b’aktar minn 100 attur li għal darb’oħra se joffri esperjenza unika tal-istorja tan-natività. Għawdex sar sinonimu għal din l-attrazzjoni li llum il-ġurnata hija parti integrali mill-kalendarju kulturali Għawdxi tal-Milied.

“B’sodisfazzjoni din hija l-14-il darba li qed isir dan il-presepju ħaj li aktar ma jgħaddu s-snin aktar kompla jżid fil-popolarità tiegħu. Fil-fatt, din l-attrazzjoni hija fost l-iżjed li tiġbed nies lejn Għawdex f’dan iż-żmien tal-Milied. Bħala Ministeru aħna nkomplu nagħtu s-sostenn finanzjarju tagħna sabiex insaħħu attivitajiet li jżommu ħajjin anki t-tradizzjonijiet u l-kultura f’pajjiżna,” qal il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u lill-voluntiera għall-organizzazzjoni biex din l-attività setgħet għal darb’oħra tkun possibbli, il-Ministru għal Għawdex ħeġġeġ lil kull min se jkun Għawdex f’dan iż-żmien sabiex iżur dan il-presepju ħaj.

Bħas-snin preċedenti Betlehem f’Għajnsielem se joffri taħlita ta’ tradizzjonijiet u snajja’ lokali flimkien ma’ dak kollu li ġeneralment nassoċjawh mal-presepju tradizzjonali Malti.

Sport