Monday, May 13, 2024

Bernard Grech jgħid li huwa tajjeb li l-Gvern ta trasport b’xejn lil kulħadd

Semma’ wkoll il-fatt li l-Gvern preżenti investa xejn inqas minn €700 miljun fl-infrastruttura tat-toroq f’Malta

Aqra wkoll

F’attività politika l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’eloġju ripettivi ta’ dak li skont huwa għandna ħażin fil-pajjiż, stieden lill-elettorat biex għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju jagħżel kandidati Nazzjonalisti biex “nagħtuk il-lokalità u l-Malta li tixtieq”. Dan qalu wara li ammetta li fost miżuri tajbin ħafna li ħa l-Gvern ta’ Robert Abela, hemm dik tat-traport b’xejn għal kulħadd.

Barra t-trasport b’xejn għall-kulħadd, il-Kap tal-PN semma’ l-fatt li l-Gvern nefaq xejn inqas minn €700 miljun fl-infrastruttura tat-toroq f’Malta. Minkejja dan, għal darb’oħra Bernard Grech infexx jikkritika u kkritika proprju fuq il-pożittiv li għamel u qiegħed ikompli jagħmel gvern immexxi minn Abela.

Il-Kap tal-PN qal li minkejja dan l-invesiment kbir fit-toroq, in-nies għadhom imwaħħlin fit-traffiku u filwaqt li, “tajjeb li jkollna trasport b’xejn, dan irid ikun effiċjenti u li jħajjar lin-nies jużawh. Kulħadd irid jasal fil-ħin”. Fir-rigward Grech sostna li hemm bżonn ukoll li ninċentivaw l-użu tat-trasport alternattiv fosthom dak tar-roti. Dan abbażi li jkollna infrastruttura sigura għal min irid juża r-roti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-intervent tiegħu semma’ wkoll l-ambjent u dan inkluż l-ambjent urban fejn jgħixu n-nies. Kien hawn li wiegħed li ladarba u jekk ikollhom tmexxija fil-Kunsilli Lokali wara l-elezzjonijiet li ġejjin, l-ambjent għalihom se jkun prijorità.

Fost wegħdiet oħra li qiegħed jagħmel f’isem il-PN, Bernard Grech reġa’ semma’ l-għoli tal-ħajja. Hawn reġa’ naqas jammetti li l-iskema tal-Gvern tal-PL, “Stabbilità”, diġà wriet riżultati pożittivi ħafna għall-familji Maltin u Għawdxin u minflok għażel li jikkritika lill-Gvern preżenti li, għal darb’oħra, se jagħti għajnuna ta’ ċekkijiet lill-familji tagħna.

Minflok, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, sostna li kulħadd jaqbel mal-pjan tiegħu bħala mexxej tal-PN, fosthom dak ta’ fond nazzjonali li jgħin lil min jimporta u jesporta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport