Saturday, November 23, 2024

Bernard Grech jikkritika ż-żieda fl-investiment fl-enerġija mħabbra mill-Prim Ministru

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ir-radio tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkritika bil-qawwi ż-żieda fl-investiment fl-enerġija li ħabbar nhar il-Ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela.

Waqt laqgħat tal-MCESD, il-Prim Minstru ħabbar li l-Gvern se jirdoppja l-investiment għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.

Il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-aħħar 10 snin ma sar l-ebda investiment biex titranġa d-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna. Qal li mhux talli ma sar l-ebda investiment, talli l-Gvern kompla jżid il-pressjoni fuq id-distribuzzjoni tal-elettriku hekk kif żied il-popolazzjoni.

Qal li l-Partit Nazzjonalista qatt ma setax jirranġaw il-cables li kellhom il-ħsara minħabba li l-ewwel kellu jeħles il-proġett tal-interconnector liema proġett imbgħad kien infetaħ minn Gvern Laburista.

Semma kif minħabba s-sitwazzjoni tal-elettriku l-Isptar ta’ Għawdex għamel ħinijiet bla dawl u anke l-Isptar Mater Dei, tant li skont il-kelliem fi ftit minuti kienu se jibdew jintilfu l-ħajjiet.

Bernard Grech kompla jgħid li l-Prim Ministru qiegħed “holiday mode”, iżda sostna li Robert Abela għandu dritt li jmur vaganza mal-familja tiegħu għax bħala ħaddiema kulħadd għandu dritt għal mistrieħ.

Sostna li l-Prim Ministru sab is-sodda lesta minħabba l-investiment qawwi li ġie fil-pajjiż taħt Gvern Laburista, iżda skont Grech “dan ħarbat is-sodda u ma jafx kif se jerġa’ jifrixha”.

Meta ġie biex jitkellem dwar il-proposti li qal li l-PN ħareġ dwar l-enerġija qal li dawn jitkellmu dwar peak load meta “eżempju n-nies imorru lura d-dar u jixgħelu l-cooker hoods għax illum il-ġurnata dawn jaħdmu l-elettriku.” Sostna li għal dan kollu l-PN qed jipproponi batteriji, sensors u anke Inteliġenza Artifiċjali.

Semma wkoll li Gvern Nazzjonalista ġdid jagħmel is-suq tal-enerġija liberu. Dr Grech qal li hu konxju li jista’ ma jkunx hemm interess barrani minħabba li Malta hija żgħira, “iżda jekk jiġi xi ħadd jinvesti tista’ tqum filgħodu u tgħid ħalli nara din il-kumpanija kemm qed tgħidli nħallas dawl matul il-lejl…”

Sport