“Determinat li nwaqqaf is-serqa tal-kwalitá ta’ ħajjitna. Illum sejjaħnilkom u intom ilqajtu t-talba tagħna”. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-protesta nazzjonali filwaqt li kompla biex jisħaq li se jkompli jagħmel pressjoni fuq il-gvern f’azzjonijiet li se jkompli jieħu fil-ġranet li ġejjin.
Grech, li kien fuq quddiem nett tal-protesta fost dawk li kienu qegħdin iżommu strixxun bi kliem maħsub b’rabta mal-istess protesta qal li dan hu gvern li ħa ħsieb lil ftit tal-qalba.
“Għaliex dan hu gvern li għalik m’hemmx biżżejjed imma għal tal-qalba hemm iżżejjed”, saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni filwaqt li qal li ma jistax ikun li jħalli lill-Gvern ikompli jisraq mill-kwalità tal-ħajja tal-poplu.
“Ma nistgħux inkomplu nippermettu li Gvern jibqa’ għaddej romblu minn fuqna lkoll. Wasal iż-żmien nieħdu azzjoni”. Hekk ilu jħambaq Grech fejn saħaq li hemm bżonn ta’ azzjoni u għalhekk sejjaħ lill-poplu kollu biex jiltaqa’ flimkien u jwassal l-ilment tiegħu għall-għoli tal-ħajja u s-serq tal-futur ta’ l-ulied Maltin.
Din il-protesta, skont l-Oppożiżżjoni, ġiet f’sitwazzjoni li “ma tistax tkompli”. Grech tefa’ t-tort kollu fuq il-Gvern ta’ Robert Abela u mhux fuq is-sitwazzjonijiet kritiċi dinjin tal-pandemija globali tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna.
Dawn iż-żewġ sfidi mondjali affettwaw u ddistabilizzaw lill-ekonomiji tal-pajjiżi tad-dinja kollha u tulhom il-Gvern Malti ġarr u għadu jġorr ħafna piżijiet fosthom sussidji, għen biex kumpaniji ma jagħlqux u jinżammu l-impjiegi, kif ukoll injetta għajnuniet finanzjarja lill-familji kollha f’Malta u Għawdex.