Saturday, December 21, 2024

Bernard Grech kien instab ħati b’disprezz lill-Qorti

Aqra wkoll

Il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista l-Avukat Bernard Grech matul is-sena li għaddiet kien ordnat iħallas €200 wara li kien instab ħati ta’ disprezz lill-Qorti. Dan joħroġ minn dokumenti li Inewsmalta rat. Is-seduta inkwistjoni li għaliha Grech instab ħati b’disprezz tmur lura għall-4 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, meta ma deherx għal seduta mingħajr ma informa lill-Qorti.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat qabel l-elezzjoni għat-tmexxija tal-PN fit-3 ta’ Ottubru li ġej, Grech spiċċa fil-mira ta’ kritika ħarxa minħabba kwistjoni ta’ taxxa u VAT mhux imħallsa. Biex jirregolarizza ruħu, anke fid-dawl tal-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit, Grech ħallas madwar €30,000 f’taxxi mhux imħallsa.

Huwa mifhum li din iċ-ċifra tkopri nuqqasijiet mifruxin fuq numru ta’ snin.

F’filmat li kien ippubblika fuq il-midja soċjali, Grech saħaq li kien messu evita din is-sitwazzjoni fiskali. “Stajt kont aktar attent biex din is-sitwazzjoni ma tiġrix,” saħaq Grech.

Żied jgħid li jifhem li bħala politiku jrid ikun “ferm aħjar minn hekk. Nemmen li l-politiċi għandhom riga aktar għolja ta’ kif iġibu ruħhom fil-ħajja pubblika.”

Intant nhar it-Tnejn li għadda Grech evita milli jwieġeb mistoqsijiet ta’ ġurnalisti dwar jekk hux se jkun qed jippubblika s-sors tal-flus li huwa ħallas bihom t-taxxa dovuta.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar jekk hux se jippublika s-sors tal-flus li bihom ħallas l-eluf ta’ ewro dovuti wara snin ma jagħmilx dan, huwa wieġeb li għamel dan bi flus tal-familja.

Fl-elezzjoni li se tiżvolġi fi ftit jiem oħra, Grech se jkun qed jikkontesta t-tmexxija tal-Partit lill-kap attwali Adrian Delia, b’dan tal-aħħar ukoll mhuwiex estranju għal problemi finanzjarji. Fl-2018 l-awtoritajiet tat-taxxa kienu qablu l-ħlas fir-rigward tal-ħlas ta’ €81,000 mal-Partit Nazzjonalistas u l-kap Nazzjonalista fir-rigward ta’ taxxi mhux imħallsa.

Kemm Delia u kif ukoll Grech issottomettew informazzjoni finanzjarja lill-kummissjoni tal-PN inkarigata li twettaq eżerċizzju ta’ due diligence fil-konfront tal-kandidati prospettivi.

Grech baqa’ ma weġibx għal mistoqsijiet li ntbagħtulu minn dan is-sit.

Ekonomija

Sport