Sunday, December 22, 2024

BERNARD GRECH U L-LIĠI TAL-KANNABIS

Aqra wkoll

Fil-Parlament bdiet tiġi diskussa r-riforma fil-liġi tal-kannabis fl-istadju tat-tieni qari dwar l-abbozz ta’ liġi li ppreżenta l-Gvern. il-liġi tipprovdi kontrolli fuq bosta dettalji marbuta mal-użu tal-kannabis f’pajjiżna, fosthom l-ippakkeġjar, it-trasport kif ukoll il-kwalità tal-kannabis li tkun qed tinbiegħ. 

Lil hinn minn kull retorika politika, ikun skorrett jekk jingħad li din ir-riforma ser twassal għal legaliżazzjoni tal-kannabis. Dan ghaliex f’pajjiżna għad m’hawnx dekriminalizazzjoni kompleta għal dawk li jagħmlu użu mill-kannabis. 

Din ir-riforma li qed nagħmlu hija riforma ambizzjuża, u kuraġġuża, fejn qed nagħtu daharna lit-traffikanti tad-droga, filwaqt li nagħtu d-dinjità lill-persuni li jagħmlu użu responsabbli mill-kannabis. Iktar minn hekk qed inħarsu lit-tfal u lil dawk vulnerabbli fis-soċjetà, b’regoli li jipproteġuhom u li nassiguraw li f’pajjiżna ħadd iktar ma jkollu d-dinjità tiegħu kkalpestatha.

Il-Partit Nazzjonalista wara li baqa’ qatt ma pparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper li ma kienx jaf li ħareġ il-Gvern, indika li se jivvota kontra l-liġi kif proposta mill-Gvern. Dan hekk kif wara laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, ma kienx hemm qbil u ghal darb’ohra għaddiet tal-fazzjoni li tikkontrolla l-Kap Bernard Grech.

Hafna huma tal-fehma li din id-decizzjoni hija farsa ghax wara li Bernard Grech ried il-mertu fuq l-abbozz ta’ din il-liġi li preżenta l-Gvern fil-Parlament, xorta wahda mhux ser jaqbel maghha. Skont il-Kap Nazzjonalista, l-abbozz tal-liġi kien ħareġ bih hu u l-Gvern ikkupjah! Iżda wara li ma kienx hemm qbil fil-Grupp Parlamentari, Bernard Grech ħareġ kontra. 

Issa nistennew lil Bernard Grech jispjega dak li qaltlu l-għaqda Releaf, li hija favur l-użu tal-kannabis responsabbli: għaliex irid jibqa’ jibgħat nies mhux vjolenti il-ħabs, waqt li jiffaċilita s-suq illegali tad-droga? Nistennew u naraw.

Boroż ta’ studju għaż-żgħażagħ

Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar tidher id-differenza drastika li teżisti bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna. Fuq naħa għandna oppożizzjoni li tikkritika bl-aħrax lil-Gvern fuq kull ħaġa li jagħmel u xi kultant toħroġ b’xi proposta li normalment tkun għadha nofs sajran. 

Tiftakru bħali b’risposta għall-budget, Bernard Grech qal li se jagħti voucher ta’ €500 lil kull żgħażugħ biex imur ġita imbagħad meta deher li żelaq spjega li biex imorru jaraw garaxx tat-tellara. Dak inhar jien kont għidt li ż-żgħażagħ sapport, xogħol u futur f’pajjiżna jridu u mhux €500 darba mingħajr effett. Dan biex ma nsemmix ukoll li meta aħna qassamna l-vouchers, l-iskema kienet intiża’ biex il-flus jintnefqu hawn Malta u nagħtu mbuttatura ‘lquddiem lill-ekonomija tagħna. Imma ejja ħa nibqgħu fuq il-kunċett dwar kif lil hinn minn dak li jgħidu l-oppożizzjoni kif il-Gvern qiegħed issostni liż-żgħażagħ tagħna.  

Din il-ġimgħa rajna kif  tnax-il student akkwistaw boroż ta’ studju permezz tal-fond Pathfinder, li huwa mmexxi mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali. Dawn l-istudenti qed ikomplu l-istudji tagħhom relatati mal-intelliġenza artifiċjali fuq livelli ta’ Masters u Dottorat, kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna. Kull student se jibbenefika sa massimu ta’ €10,000 u mhux €500 darba li ma twassal imkien.

Fl-istess waqt, mitejn disgħa u tmenin student lestew b’suċċess il-kors The Guest Experience, proġett li fih jinkludi numru ta’ korsijiet fl-ospitalità li qed isir ġewwa l-Istitut għat-Turiżmu, l-ITS. Dan huwa l-mod kif nieħdu ħsieb liż-żgħażagħ bil-fatti, billi ngħinuhom itejbu l-ħiliet tagħhom u noħolqulhom opportunitajiet ġodda.

Sitwazzjoni Covid19

Bħalissa l-Gvernijiet Ewropej qed jiddiskutu ż-żieda qawwija ta’ infezzjonijiet fil-kontinent f’dik li qed tigi diskretta bhala r-raba’ mewġa “drammatika” tal-Covid. Fil-Belġju tħabbru numru ta’ miżuri maħsuba biex jevitaw lockdown. L-Awstrija ħabbret lockdown għal madwar żewġ miljun ruħ mhux imlaqqma fil-pajjiż. Fl-Olanda bħalissa hemm lockdown parzjali, filwaqt li l-Ingilterra mhux teskludi l-possibilità ta’ lockdown. 

Dan kollu qiegħed iġib sfidi ġodda u problem kbar f’dawn il-pajjiżi. Primarjament is-saħħa tan-nies li f’dawn l-aħħar ġranet qed jiġu reġistrati eluf ta’ każi attivi kull ġurnata, imma wkoll kollass fl-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi. Ħafna gvernijiet ġew kostretti li jaddottaw politika t’awsterità fejn il-piż qiegħed jinġarr miċ-ċittadini li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja. Problema oħra hija x-xoghol li mhux qed jibqa’ sostenibbli b’numri ta’ kumpaniji jnaqqsu l-attività jew saħansitra jwaqqfu għall-kollox l-operat tagħhom.

Hawn Malta min naħa l-oħra ward u żahar. Meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra pajjiżna vera mmexxi b’mod għaqli u b’kawtela kbira. Inħossni kburi li pajjiżi oħra jħarsu lejn il-mod kif sibna l-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Il-barranin qegħdin jaraw il-mudelli li addottajna għal pajjiżna għax jafu li s-sitwazzjoni, minkejja d-diffikultajiet kollha hija waħda taħt kontroll. 

Dan għax il-Gvern ħaseb biex ikollu vaċċin għal kulħadd u llum ninsabu f’pożizzjoni li kważi l-popolazzjoni kollha tlaqqmet biex issa beda l-proċess tat-teħid tal-booster ukoll. Dan qiegħed ipoġġina f’pożizzjoni sigura biex nevitaw il-mewġa li hija prevista u esperti qegħdin ipoġġu lil Malta u lill-Portugal bħala ż-żewġ pajjiżi l-iktar siguri minħabba l-ammont għoli li jaqbeż it-tmenin fil-mija tal-popolazzjoni li huma vaċċinati.

Mill-aspett ekonomiku hdima tajjeb ukoll. Għal darb’oħra ċertifikat ieħor, din id-darba mill- Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, li poġġa lil pajjiżna l-ewwel tal-lista tal-pajjiżi Ewropej, li żiedu n-nefqa soċjali fis-sena tal-pandemija.

Bħala Gvern qed nuru bil-fatti li fiċ-ċentru tal-politika tagħna għandna f’moħħna u f’qalbna lin-nies. Aħna ninvestu fin-nies u nibqgħu leali dejjem mal-valuri socjalisti tagħna, li nghinu l-aktar li għandhom bżonn. Aħna rridu li kulħadd ikollu suċċess u jimxi l’quddiem. Proprju għalhekk f’dan iż-żmien kruċjali ħadna ħsieb lil kulħadd; lil min iħaddem u lill-ħaddiem, lit-tfal u l-anzjani, lill-familji, persuni b’diżabilità. Dan huwa Gvern bil-għaqal li jara li l-ġid ta’ pajjiżna jħalli effett pożittiv li kull faxxa tas-soċjetà. Aktar ma jkollna nies b’suċċess, aktar ikollna soċjetà b’saħħitha.

Il-Ħadd it-Tajjeb.

Ekonomija

Sport