Friday, December 20, 2024

BERNICE

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Fil-15 ta’ Marzu 2018, fl-artiklu tiegħi “Liġi sessista” fuq dan l-istess ġurnal tkellimt dwar kif dejjem emmint li l-applikazzjoni awtomatika tal-komunjoni tal-akkwisti (KtA) – l-artiklu 1316 tal-Kodiċi Ċivili bejn il-miżżewġin mal-firma ta’ żwieġ hija żball.  Illum nemmen li hija litteralment il-bażi tal-vjolenza domestika, għalkemm mhux l-unika waħda. 

Liġi antikwata kontra l-kurrent

Il-liġi tal-KtA tmur lura għal żmenijiet fejn il-mara kienet dejjem id-dar, trid jew ma tridx.  Fejn forsi s-separazzjonijiet kienu iktar rari.  Forsi fejn ir-raġel kellu xi jedd fuq il-mara. Soċjetà fejn il-vjolenza domestika ma kinitx tiġi rappurtata jekk mhux saħansitra aċċettata. 

Iżda llum ngħixu fi żmenijiet fejn il-gvern jaħdem attivament biex il-mara tidħol fid-dinja tax-xogħol. U żdied in-numru ta’ koppji li jinfirdu.  Għandna kruċjata għaddejja biex noħolqu l-ugwaljanza bejn is-sessi u  kruċjata oħra kontra l-vjolenza domestika.

Il-KtA iġġiegħel lill-mara sserraħ rasha li għandha raġel jaħdem għaliha.  Dan biss ukoll ipoġġi l-liġijiet matrimonjali fuq sieq ħażina. Illum mhux talli rridu nisa indipendenti b’kull mod u manjiera talli għandna nesploraw kif in-nisa jemmnu dejjem iktar fl-abbiltajiet tagħhom infushom u jibnu karriera, negozju, jinvestu u jġemmgħu l-flus il-bank.

Iż-żwieġ mhux ward

Iżda l-agħar aspett huwa li iż-żwieġ huwa meqjus bħala xi rigal waqa’ mis-sema. Ftit jaħsbu dwar kif il-KtA mara tista’ tintalab tħallas id-dejn ta’ żewġha jew kontra.  Huwa diġà diffiċli li mara ma taħdimx tispiċċa totalment dipendenti fuq il-manteniment ta’ żewġha biex tgħix.   Imma fejn ir-raġel jiddejjen, jidħol fil-vizzju tal-logħob, tax-xorb jew drogi, jimrad, jispiċċa l-ħabs, vittma ta’ użura jew imut, il-mara tispiċċa saħansitra responsabbli għad-djun tiegħu. Dawn l-aħħar każijiet ta’ djun jistgħu anke jseħħu f’sitwazzjonijiet fejn il-koppja hija separata sempliċement de facto (mhux bil-Qorti) ġieli anke taħt l-istess saqafu r-raġel ma jkunx irid iħallas ċerti kontijiet.  U fihom infushom huma mezz ta’ vjolenza domestika fejn ir-raġel intenzjonalment iġiegħel lill-mara tħallas kontijiet li għamel hu mingħajr kunsens tagħha jew li għamlu t-tnejn imma qed terfa’ l-piż tagħhom waħedha. 

Tikteb Lorna Vassallo

Is-sistema ta’ bħalissa tinkoraġġixxi lill-koppja ma tiċċekkjax il-konsegwenzi legali taż-żwieġ.  Ma tmurx għand l-avukat.  Bħalissa l-istat jiffirma għall-partijiet mhux il-partijiet infushom. U jġiegħel lill-mara u lir-raġel jiġu bżonn il-firma ta’ xulxin f’ħafna sitwazzjonijiet – bżonn li jista’ jwassal għal vjolenza domestika.  F’tali sitwazzjonijiet raġel faċli jirrikorri għall-vjolenza. 

Il-KtA iġġiegħel ukoll lill-koppji jaqsmu kollox bejniethom.  Iżda malli jibda l-inkwiet din in-nuqqas ta’ ċarezza ta’ min ikkontribwixxa u għamel tajjeb għal xiex, u x’inhu ta’ min, tista’ ssir sors ieħor ta’ argumenti bejn il-koppja u ta’ vjolenza domestika, ħafna drabi iktar psikoloġika milli fiżika. Hija wkoll ir-raġuni għal kawżi twal il-Qorti.  

Il-KtA f’pajjiżi oħra

Fl-artiklu tal-2018, kont fittixt f’liema pajjiżi tal-UE l-KtA tapplika awtomatikament bejn il-miżżewġin.  Bħalna kien hemm 16-il pajjiż ieħor. Pajjiżi fejn ma kinitx tapplika awtomatikament kien hemm tnax.  Pajjiżi fejn ma kinitx tapplika kienu l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

Dak iż-żmien kont osservajt ukoll li mill-Punent tal-Ewropa kien hemm biss id-Danimarka, l-Italja, l-Olanda, il-Portugall, Spanja u l-Lussemburgu minbarra aħna. B’hekk nistgħu ngħidu li l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Punent, li huma l-aktar sinjuri tal-UE, ma għadhomx japplikawha awtomatikament.  L-istess, nistgħu ngħidu, li fejn il-mara avvanzat ħafna, bħall-Iskandinavja, il-KtA ma tapplikax awtomatikament.

Mill-istatistika ma ħarġitx xi differenza kbira bejn il-pajjiżi li japplikaw il-KtA awtomatikament u dawk li ma japplikawhiex. La fil-persentaġġ ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol u lanqas fl-inċidenza tal-vjolenza domestika. Iżda, tajjeb li wieħed jgħid li l-maġġoranza assoluta ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika ma jiġux rappurtati. Apparti li l-vjolenza psikoloġika hija ferm iktar diffiċli tikkwantifikaha.

Alternattivi għall-KtA

Tajjeb li wieħed isemmi li apparti l-KtA jeżistu żewġ metodi oħra kif il-koppja ‘taqsam’ jew ‘ma taqsamx’ flusha.  Il-Kommunità ta’ Residwu taħt Amministrazzjoni Separata (KRAS) jew inkella s-Separazzjoni tal-Assi.  Jekk il-KtA ma tapplikax awtomatikament, il-koppja tkun obbligata tagħmel kuntratt u tidħol għaż-żwieġ b’mod infurmat. 

Billi l-KtA ma tibqax tapplika awtomatikament, il-koppji xorta jkunu jistgħu jagħżluha jekk ikun il-każ. Il-KRAS hija differenti billi ġġib lir-raġel u l-mara responsabbli biss għal djun ta’ xulxin f’każ li xi ħadd minnhom ma jkunx jista’ jħallas imma jibqgħu bil-finanzi separati fil-ħajja ta’ kuljum: kulħadd jaf fejn hu tiegħu u ħadd m’għandu bżonn il-firma ta’ ħadd.  Fil-każ tas-separazzjoni tal-akkwisti, kollox jibqa’ separat u d-debituri tal-persuna ma jistgħux iduru fuq il-mara biex jitħallsu.

B’assi separati n-naħa waħda fiż-żwieġ hija f’pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-oħra f’każ ta’ bżonn

Illum il-ġurnata, konvinta li s-separazzjoni tal-assi hija l-aqwa sistema.  Din tippermetti lill-koppja jgħixu ħajja normali imma separata finanzjarjament.  Jekk wieħed jew waħda mill-koppja j/tidħol fid-dejn, il-parti l-oħra ma tkunx responsabbli għalih/a.  Fil-fatt l-persuna li ma għamlitx dejn tkun f’pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-parti l-oħra f’mumenti ta’ bżonn u f’każ ta’ separazzjoni il-kawża jew kuntratt isiru biss fuq il-kustodja tat-tfal u affarijiet li nxtraw flimkien.  

Għalija personalment, jekk għandu japplika xi reġim taż-żwieġ għandha tapplika s-separazzjoni tal-assi.  Jiġifieri li l-koppja qishom qatt ma żżewġu.  Dan sabiex speċjalment il-mara ma tiġix iddirezzjonata ssir dipendenti fuq ir-raġel.  Illum l-ebda mara jew raġel m’għandhom jassumu li ż-żwieġ huwa għal dejjem jew li jibqgħu ġo żwieġ minħabba vjolenza.  Minkejja dan jekk xi koppji jixtiequ, jistgħu jagħmlu kuntratt biex jiġu ggvernati minn reġim partikulari.

Bħala l-aħħar nota, ngħid ukoll li tali kuntratt jista’ jinbidel anke wara ż-żwieġ.  

Kulħadd jista’ jkun suġġett għall-vjolenza domestika

Għalkemm l-emfasi tibqa’ dejjem fuq il-mara ma jridux jintesew koppji tal-istess sess li wkoll jista’ jkollhom vjolenza domestika, diżgwid u separazzjonijiet u divorzji bejniethom.  L-emfasi nemmen li se jkollha tibqa’ ssir dwar koppji mħallta għas-sempliċi raġuni li l-istess statistika turi li l-aktar każijiet ta’ vjolenza normalment iseħħu minn irġiel fuq nisa – anke għal raġunijiet ovvji, bħas-saħħa fiżika superjuri tar-raġel li hija wkoll rikonoxxuta fid-dinja tal-isport.

Lanqas ma nemmen li bidla bħal din tinteressa biss lin-nisa. Kull raġel għandu ’l oħtu, ’l ommu u ’l bintu.  U għandu qalb.

Personalment nemmen li hemm ħolqa ċara bejn vjolenza domestika u l-KtA għalkemm mhux faċli  tippruvaha. Hija proprju l-vulnerabbiltà finanzjarja li ġġiegħel lill-mara tissaporti l-vjolenza u tgħix fil-biża’.

Nixtieq li matul ħajti nara bidla revoluzzjonarja f’dan il-qasam.  Il-KtA tassumi li l-mara hija mara tad-dar, li mhux il-każ illum.  L-istat irid ikun l-ewwel sabiex jidderieġi lill-mara biex tkun indipendenti u lill-koppja sabiex taħsibha fil-fond dwar id-dmirijiet u d-drittijiet li qed tidħol għalihom biż-żwieġ.  Hija verament sfortuna li l-ikbar kuntratt ta’ ħajjet ħafna nies japplika awtomatikament bla ma jagħtihom lanqas opportunità jiftħu ħalqhom dwaru.  Hija sfortuna akbar li malli jkun hemm diżgwid fil-familja, il-qsim tal-assi jwassal għal kawżi ma jispiċċaw qatt, vendetti, abbużi psikoloġici, fallimenti finti u vjolenza psikoloġika.  U kif rajna, sfortunatament, f’ċerti każijiet il-vjolenza tiskala għal qtil.  Kieku Bernice (u ħafna oħra bħala) ma kinitx suġġetta għall-KtA kienet tispiċċa b’tant piki li wassluha sal-mewt?

Awgurji: Dan huwa l-aħħar artiklu tiegħi qabel il-Milied. Għalhekk nixtieq nawgura Milied hieni lill-qarrejja kollha, kemm jista’ jkun fl-għożża tal-familja.  Ġesù tarbija għażel li proprju jagħtina l-ewwel simbolu ta’ kif għandu jitwieled u jgħix il-bniedem sa minn twelidu.  Il-ġenituri u l-ulied fl-għożża ta’ xulxin:  In-nukleu l-aktar importanti tas-soċjetà li huwa l-ġebla li fuqha biss tista’ tinbena soċjetà b’saħħitha. Nieħdu ħsieb xulxin f’dawn iż-żmenijiet u nkunu ta’ familja lil dawk li jista’ m’għandhomx. 

Għal kummenti jew suġġerimenti www.facebook.com/lejnmaltaaaa jew vassallolorna.com 

Ekonomija

Sport