
Fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi, bħalissa qed tittella’ wirja ta’ ritratti mill-Art Imqaddsa meħuda mill-Maġistrat Joe Mifsud.
Din il-wirja, bl-isem “Bethlehem: Realtà f’Ritratt”, ġie inawgurata fil-jiem li għaddew u qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Dan il-ġurnal tkellem mal-Arċipriet tas-Siġġiewi, Fr Josef Mifsud, li qalilna li f’din il-wirja qed ikunu esebiti numru ta’ ritratti li l-Maġistrat Mifsud ħa fuq medda ta’ żmien partikolari f’Bethlehem.
Huwa qal li din il-wirja tgħinna naraw kemm il-presepju hi xi ħaġa konkreta. Jgħid li ħafna drabi llum il-ġurnata nitkellmu fuq presepji li huma artistiċi, iżda f’dan il-kuntest, qed naraw ir-realtà veru tal-presepju f’Bethlehem.

“L-idea hi li turina l-umanità u realtà li Ġesù twieled fiha. Din il-wirja tgħinna naraw kemm il-presepju hi xi ħaġa konkreta. L-uċuħ ta’ tfal, anzjani, ir-realtà tal-okkupazzjoni f’Bethlehem u allura r-realtà ta’ dak li jiġi ċċelebrat,” tenna Fr Mifsud.

Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa nhar it-Tnejn li ġej.


