Wednesday, December 25, 2024

“B’għaqal u deċiżjonijiet wassalna lil Malta biex issa ersaqna lejn in-normalità” – id-DPM

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien bħal-lum, sentejn ilu, meta feġġ l-ewwel każ ta’ Covid-19 f’Malta. Għall-ewwel, il-każi tal-Covid kienu importati, iżda mbagħad fil-jiem ta’ wara bdew ifeġġu wkoll l-ewwel każi trażmessi lokalment.

Minn dakinhar ‘il quddiem, rajna jseħħu diversi żviluppi f’pajjiżna fejn bdew jiddaħħlu r-restrizzjonijiet, u mbagħad meta s-sitwazzjoni bdiet tistabbilizza ruħha dawn bdew jitneħħew b’mod gradwalment.

Ma nistgħux ninsew ukoll il-programm b’saħħtu f’dak li jirrigwardja l-għoti tal-vaċċin, li dan offra t-tama li nistgħu mmorru għal dik li normalità, naqqas ir-riskju taż-żieda fl-infezzjonijiet u salva l-ħajjiet ta’ ħafna persuni. 

Illum, sentejn wara, ninsabu f’pożizzjoni fejn is-sitwazzjoni fl-isptarijiet u fil-komunità hija taħt kontroll, bil-mira tal-awtoritajiet hi li sal-bidu tas-sajf ikunu tneħħew il-parti l-kbira tar-restrizzjonijiet li għad fadal fis-seħħ.

F’kummenti ma’ dan is-sit, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li komunità, pajjiż jew gvern tkun taf kemm huma b’saħħithom meta tiffaċċja kriżi.

Huwa qal li f’dawn is-sentejn ta’ pandemija, Malta u l-Gvern Malti urew xi jsarrfu. “Urejna li fis-siegħa tal-prova konna kapaċi nqumu għall-okkażjoni. Il-poplu kollu ġibed ħabel wieħed u l-frontliners tagħna ġibdu l-ammirazzjoni ta’ kulħadd.”

Fearne qal: “Illum fit-tieni anniversarju mill-ewwel każ ta’ Covid f’Malta, niftakru f’dawk li tilfu ħajjithom u l-familji tagħhom. B’għaqal u deċiżjonijiet, kultant diffiċli imma tajba, wassalna lil Malta biex issa ersaqna lejn in-normalità. Kburi li kont parti minn dan is-suċċess. Suċċess li hu rikonoxxut mid-dinja kollha u suċċess li hu tal-poplu Malti kollu. Grazzi Malta.”

Aqra iktar: Mil-lum ġew rilaxxati aktar miżuri restrittivi kontra l-Covid-19

Ekonomija

Sport