Tuesday, November 26, 2024

Bħal-lum erba’ snin ilu ċ-Ċina kellha l-ewwel każ ta’ Covid-19

Aqra wkoll

L-ewwel każ ta’ persuna infettata bil-Covid-19 imur lura għas-17 ta’ Novembru, 2019. Din l-informazzjoni ħarġet minn rapporti fil-midja li rnexxielhom isibu tagħrif minn data mhux ippubblikata mill-Gvern Ċiniż.

Erba’ snin ilu qatt ma immaġinajna kif din il-pandemija se tibdilna u dan mhux bħala individwi jew nazzjon biss iżda fuq skala globali. Inizjalment, lura f’Novembru tal-2019, la l-Gvern Ċiniż ma rrikonoxxa jew ammetta li hemm problema serja u lanqas indunat jew għarfet l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), li l-Coronavirus li oriġina f’Wuhan, se jinfirex f’pandemija globali b’riperkussjonijiet katastrofiċi.

Il-Covid-19 sewa l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja, eżattament 6,978,175, kważi seba’ miljun vittmi u dawn huma l-każijiet uffiċjali. Kemm seta’ kien hemm aktar, ma nafux. Barra li qatel, il-Covid-19 marrad kważi tliet kwarti ta’ biljun persuna. Skont id-WHO, it-total tal-persuni li ġew infettati bih huwa ta’ 771,820,937. Dawn kienu nies ta’ kull età, ta’ kull razza u ta’ kull statut. Il-Covid-19 ma kellux ħniena u dan sakemm ġiet ivvintata u mogħtija t-tilqima kontrih.

Mill-informazzjoni jingħad li kien raġel ta’ 55 sena mill-provinċja ta’ Hubei li marda l-ewwel bil-Covid-19. Warajh, għal madwar xahar bdew jiġu rrapportati bejn wieħed sa ħames każijiet kuljum u sal-20 ta’ Diċembru 2019, kien hemm 60 każ ikkonfermat ta’ Covid-19. Il-virus kompla jinfirex sakemm ħareġ mill-konfini taċ-Ċina u bela’ l-bqija tad-dinja.

L-Istati Uniti kkonfermat l-ewwel każijiet tagħha fl-20 ta’ Jannar 2020. Dan il-virus miss lil Malta b’każijiet li kienu jinvolvu tifla u l-ġenituri tagħha li ġew minn barra. Kien biss fil-11 ta’ Marzu tal-2020, wara li kienu ġew irrapportati 118,000 każijiet ta’ infezzjoni f’114 pajjiżi differenti u 4,291 imwiet, li d-WHO iddikjarat lil Covid-19 bħala pandemija globali.

Minn hawn bdiet ġirja sfrenata mill-kamp xjentifiku biex isib tarf li jikkontrolla u jwaqqaf it-tixrid ta’ dan il-virus qattiel. Il-Coronavirus litteralment għamlilhom ħajjithom infern b’mutazzjoni għall-oħra. Sadanittant il-gvernijiet kellhom joħorġu b’miżuri li qatt ma rajnha bħalhom fosthom lockdowns li waslu għal għeluq ta’ skejjel u postijiet tax-xogħol, kif ukoll passi aktar drastiċi fejn ingħalqu l-ajruporti u anke l-portijiet. 

Barra minnhekk, kif qatt nistgħu ninsew l-ilbies ta’ maskri u d-distanza soċjali kif ukoll restrizzjonijiet fir-ristoranti, ħwienet tax-xorb u agħar minnhekk fid-djar tal-anzjani tagħna.

Is-sentejn li fihom batejna l-Covid-19 kienu iebsin ħafna. Iżda, fortunatament, għaddew. Għal dawk bħalna li għadhom hawn għax ħelsuha minn ħalq il-mewt, inħarsu lura lejn dan il-perjodu bħala kapitlu ikrah fl-Istorja u żgur li jgħaddu kemm jgħaddu s-snin se nibqgħu niftakru minn x’hiex u kemm kien faċli li d-dinja tgħaddi minn dan il-periklu serju. 

Il-Covid-19 ma kienx l-unika pandemija globali fl-Istorja tal-umanità. Nittamaw li tkun l-aħħar waħda jew almenu, jekk le, id-dinja tkun ippreparata ferm aħjar milli kienet fl-aħħar waħda. Dan bil-għan li ma jerġgħux jintilfu daqshekk ħajjiet u biex l-ekonomiji, l-isptarijiet u s-soċjetajiet in ġenerali tagħna, ikunu ppreparati biżżejjed għal kull eventwalità fil-futur.

Sport