Saturday, October 26, 2024

Bħal-lum ġimgħa 250,000 persuna se jibdew jirċievu ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar għadd ta’ inizjattivi maħsuba biex ikomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jindirizza mass meeting tal-1 ta’ Mejju fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar għadd ta’ inizjattivi maħsuba biex ikomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Huwa ħabbar kif mill-ġimgħa d-dieħla se jibda jitħallas iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa. €26 miljun għand il-ħaddiema u l-pensjonanti. Din is-sena huwa l-aktar ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa b’saħħtu.

“Meta bdejna din il-miżura ftit snin ilu, investejna fiha inqas minn 12-il miljun ewro f’sena. Illum dan l-investiment aktar minn irduppjajnih. F’sitt snin, b’din il-miżura waħedha, se nkunu investejna mitt miljun ewro lura fikom il-ħaddiema,” qal il-Prim Ministru. “Għax aħna nagħtu kelma u nżommuha.”

Il-Prim Ministru qal ukoll li fil-budget li ġej ma’ dak li se nagħtu bħal-lum ġimgħa, se jingħata aktar. “Għax aħna aġenti tal-ġid għall-ħaddiema. Iva, għax hekk għażiltu fil-manifest Malta Flimkien. Fadlilna ħafna x’nagħmlu. U ma’ dak li diġà tajna, se nagħtu aktar.”

“Dak prinċipju kruċjali. Li l-ħin kollu nibqgħu nemmnu li ma wasalniex. Anke fejn sar ħafna – irridu nagħmlu iktar. Dak li ħaddieħor irid iwaqqaf, aħna nsaħħuh,” tenna l-Prim Ministru.

Huwa nnota kif sa din il-ġimgħa stess il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li l-pjan tiegħu għall-futur huwa l-istess wieħed ta’ qabel l-elezzjoni. Pjan mimli żbalji li l-poplu rriġettah u qallu m’għandniex x’nambuh.

“L-istess fil-kontijiet tal-enerġija. Sa din il-ġimgħa stess l-Unjoni Ewropea kkonfermat li aħna l-aktar pajjiż li qed ngħinu lin-nies. Sħabna tal-Oppożizzjoni għadhom isostnu li din l-għajnuna ma tistax tibqa’ tingħata. Daqstant qalbhom mal-ħaddiema. Jien inwegibhom – Dik l-għajnuna hemm qiegħda, u se nsostnuha!!!”, tenna l-Prim Ministru.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru enfasizza li dan huwa Gvern li jgħin lill-ħaddiem u jaħseb fih il-ħin kollu. Biex il-ġid li joħloq it-tkabbir ekonomiku, ikompli jinfirex mann-nies.

Huwa kompla jgħid li hemm diversi oqsma fejn trid issir il-qabża li jmiss. Fosthom fis-settur tal-housing u l-affordabbilità tal-proprjetà. “Iva, għamilna riformi kbar diġà, imma hemm fejn fadal x’inwettqu.”

Diġà daħlu 2,500 applikazzjoni għall-iskema fejn il-first time buyers jingħataw €10,000 fuq għaxar snin

Qal li sa din is-sena stess il-Gvern introduċa għotja ta’ €10,000 mqassma fuq 10 snin għall-first time buyers. Diġà daħlu aktar minn 2,500 applikazzjoni. F’Ġunju jsiru l-ewwel ħlasijiet.

Qal iżda li l-pass li jmiss huwa li l-Gvern jieħu l-inizjattivi meħtieġa biex ikun hemm stock b’saħħtu ta’ appartamenti bi prezz affordabbli. “Dan biex nieħdu ħsieb lil dawk il-persuni li minkejja l-miżuri kollha li daħħalna, xorta għandhom sfidi biex jidħlu fis-suq tal-proprjetà minkejja li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom.”

“Il-proġetti tal-investiment li għamilna fil-housing soċjali issa qed jibdew jingħalqu, u dan issa għandu jkun il-pass li jmiss. Fl-istess ħin irridu nsostnu l-ħidma li diġa’ bdiet biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom.

“Għalhekk bl-istess ħsieb irridu nsaħħu skemi li jeżistu għal dan il-għan. Bħal dik tal-equity sharing fejn il-gvern jidhol sħab miegħek biex jgħinek issir sid ta’ darek. Din irridu nwessugħa biex nilħqu iktar nies.

“Għaliex iva, huwa minnu li għandna rata ta’ home ownership qawwija. Iżda rridu li kulħadd jilħaq l-aspirazzjoni tiegħu. Xogħolna huwa li dejjem naħsbu f’min irridu nilħqu iktar,” qal il-Prim Ministru.

Huwa kompla jgħid li sa din il-ġimgħa stess ir-riżultati urew li qed jirnexxielhom ikomplu jattakkaw il-faqar, hekk kif elfejn persuna oħra ħarġu minn sitwazzjoni vulnerabbli. “Imma le. Mhux biżżejjed. Mhux se nistrieħu qabel nindirizzaw ir-realtà ta’ kulħadd.”

Dan ix-xahar jitħabbru 15-il proġett ta’ spazju miftuħa

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif f’dan ix-xahar se jitħabbru 15-il proġett ta’ spazji miftuħa b’kollaborazzjoni ma’ Kunsilli Lokali u NGOs. Dawn huma proġetti li resqu ‘l quddiem bihom l-istess Kunsilli Lokai, fl-istess ħin se tibda wkoll il-konsultazzjoni dwar proġett f’Bormla fuq sit li kien se jinbena għall-AUM. B’hekk il-Gvern qed jibqa’ jimplimenta l-wegħda tiegħu ta’ investiment fi spazji miftuħa.

Dwar il-liġijiet ambjentali, il-Prim Ministru qal li l-pajjiż jrid jibda jiddiskuti bidla biex f’każi fejn ikun hemm appell minn permess, ix-xogħol ma jibdiex sakemm jinqata’ l-appell. Dan biex is-sistema tinħass ġusta. Il-Prim Ministru qal li din hi bidla li trid tkun diskussa biex jiddaħlu mekkaniżmi li filwaqt li ma jagħtux lok għall-abbuż u sabotaġġi, jinħassu ġusti minn kulħadd. Fuq quddiem nett iċ-ċittadin, iż-żgħir.

Sadanittant, il-Prim Ministru rrikonoxxa li dejjem se jiġu mumenti ibsin, fejn wieħed iħoss li qed jaqta’ qalbu. Huwa iżda qal li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu u li f’dawk il-mumenti nduru lejn il-prinċipji li sawruna u nħallu lilhom jiggwidawna.
“Jien trabbejt f’familja fejn l-attiviżmu fis-soċjetà u l-volontarjat ma naqas qatt. L-istess fit-trejdjunjoniżmu. U ż-żminijiet ma kinux dejjem faċli. Niftakar sew meta fi żmien Gvern ieħor, riedu jixhtu l-ħabs lir-rappreżentanti tal-ħaddiema.

“Kien żmien fejn niftakar lil missieri jigi nkwetat id-dar għax Tony Zarb, li minn hawn insellem il-memorja għażiża tiegħu, u sħabu tal-Union, kienu mhedda b’sentenza ta’ snin twal ta’ priġunerija għax ipproteġew il-jeddijiet tal-haddiema.

Iżda, dakinhar, ma qatgħux qalbhom. Ħadmu għal dak li emmnu li hu dritt tal-ħaddiem. U l-persistenza tagħhom uriet li kien ħaddieħor fil-ħażin – u mhux huma. U huwa dak l-ispirtu u l-kuraġġ li jrid jibqa’ jkollna għaż-żmien li ġej,” qal il-Prim Ministru. “Ngħid għalija huwa dak li jżommni għaddej kuljum.”

“Baqgħalna erba’ snin ta’ xogħol b’saħħithom”

Tenna li ċ-ċertezza u l-istabbilità jagħtuna s-serħan il-moħħ li fuqhom inkomplu nibnu. Qal li l-ġid se jkompli jinħoloq u se jibqgħu jaħdmu biex minn dak il-ġid igawdi kulħadd.

“Ftakru għadna fil-bidu tal-leġiżlatura. Għaddiet biss l-ewwel sena – minn ħamsa!! M’għamilnix u ma naħsbux li nistgħu nagħmlu kollox perfett. Imma nitgħallmu minn kull esperjenza li ngħaddu minnha flimkien. U rridu nitgħallmu l-iktar mingħandkom.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li baqa’ erba’ snin ta’ xogħol b’saħħithom. Se jkunu erba’ snin ta’ riżultati, erba’ snin li matulhom se jibqgħu jsostnu lill-pensjonanti, isaħħu lill-ħaddiema, joħolqu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jagħtu garanzija lit-tfal kollha.

“U biex nagħmlu dan għandna pjan b’saħħtu. Għandna elf proposta. Bdejna nwettquhom! Elf proposta mdawrin mal-kwalità tal-ħajja. Minn għada nkomplu naħdmu biex nagħmluhom realtà. U s-sena d-dieħla nerġgħu niġu hawn biex nitkellmu dwar kemm wettaqna iktar,” qal il-Prim Ministru.

Sport