Wednesday, December 25, 2024

“Bħala Gvern konna magħkom fil-maltemp, inħeġġiġkom biex inkunu flimkien għal Malta”

Aqra wkoll

Dr Owen Bonnici – Bosta jafuh bħala Ministru bi professjoni ta’ avukat, iżda lil hinn minn hekk, huwa missier ta’ tfajla taz-zokkor li jisimha Ema u jaqsam ħajtu ma’ mara stroardinarja li jisimha Remenda.

Huwa persuna li jemmen b’qalbu kollha li pajjiżna jrid ikompli jinbidel għall-aħjar biex ikun jista’ jkompli jimxi ‘l quddiem. U jemmen li l-aqwa mod kif tbiddel l-affarijiet hu permezz tal-metodu politiku.

Iżda fuq kollox iħobb il-kuntatt man-nies, li jagħmel x’jagħmel fil-ħajja jibqa’ umli u fuq kollox grat lejn dawk kollha li jkun sab is-sapport tagħhom.

Iżda minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attivizmu u għall-politika?

Minn ta’ età żgħira bdejt insegwi l-politika, għalija kien pass naturali li nkun attiv fil-politika. Bdejt mill-politika lokali, biċex imbgħad ikkontestajt l-elezzjoni ġenerali. Inħares lura ngħid kemm sar avvanz permezz ta’ ħidma kollettiva fil-kabinett. Huwa għalhekk li qed nerġa’ nikkontesta, għaliex anke permezz tal-manifest li qed iressaq il-Partit Laburista għad fadal aktar ħidma favur il-Maltin u l-Għawdxin. Inħares ‘il quddiem li jekk nerġa’ ningħata l-fiduċja nibqa’ naħdem għal aktar ġid bħalma għamilt fl-aħħar snin.

U x’inhu s-sigriet biex jagħmel dan kollu u jsib bilanċ u ħin għal kollox?

Is-sigriet huwa li jkollok familja li tatik is-sapport u tim ta’ nies formidabbli li jifhmu l-importanza tal-irowol politiku. Nipprova kemm jista’ jkun insib bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin tal-familja. Il-politika m’għandiex ħinijiet. Ma tistax tgħid se nagħmel minn ħin sa ħin u daqshekk, il-politika hija xi ħaġa ħajja, li trid tibqa’ f’kuntatt kemm man-nies u anke mal-ġrajjiet li jkunu qed jiġru anke lil hinn minn xtutna. Min jidħol għall-politika, irid jifhem li dan huwa impenn kbir. Biss, u anke bħalma sħaqna bħala Gvern, trid issib ukoll ħin fejn tieqaf u tistrieħ, b’hekk terġa’ tikseb l-enerġija biex tkompli b’aktar ħidma. 

Skont Owen, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits?

Bla dubju bħalissa, fil-mumenti li għaddejna minnhom minħabba l-pandemija u anke dak li qed jiġri fl-Ukrajna, qed tħasseb lil bosta. Iżda, bħalma għamilna waqt il-pandemija, fejn konna forċina għaċ-ċittadin Malti u Għawdxi, l-istess bħala Gvern ġdid beħsiebna nibqgħu. F’wieħed mid-dekasteri li afdali l-Prim Ministru Robert Abela, jien kont responsabbli wkoll mill-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ wara l-COVID-19. Wara numru ta’ diskussjonijiet anke mal-pubbliku ħriġna qafas biex ikollna direzzjoni għas-snin li ġejjin.

Ikellmuni dwar esperjenzi, ambizzjonijiet personali u wkoll dizappunti: minn kull taħdita nitgħallem ħafna u nipprova nbiddel ftit il-ħajja ta’ dak li jkun.

Tlabna lil Dr Bonnici jispjegalna kemm għadu validu it-twemmin politiku li jemfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjalisti li għandu jħaddan il-Partit Laburista?

Il-Partit Laburista huwa mibni fuq il-prinċipju li jagħti l-għodda biex kulħadd ikollu opportunità li javvanza. Is-soċjaliżmu mhux li tati l-beneffiċji li min hu fil-bżonn biss, imma li jinħoloq ambjent b’saħħtu biex dak li jaspira li jkompli jimraħ, isib il-gvern li jagħtih l-ispazju biex jagħmel dan. Sa mit-twaqqif tiegħu, il-Partit Laburista dejjem kien it-tarka tal-ħaddiem, għaliex jaf li d-dinjità tal-bniedem tiġi billi javvanza fil-kapaċitajiet tiegħu. Fl-aħħar snin il-Partit Laburista mhux biss saħħaħ il-prinċipji tiegħu, iżda fassal politika soċjo-ekonomika biex pajjiżna jkompli jiġġedded u jkun b’saħħtu sabiex jilqa’ għall-isfidi, bħalma rajna fl-aħħar sentejn. 

Jekk Owen jerġa’ tingħata l-fiduċja, x’timbru jixtieq iħalli bħala Membru Parlamentari?

Bla dubju, dħalt fil-politika biex inkun parti mill-bidla għal aħjar għall-poplu li nirrapreżentaw. Irrid li meta jgħaddi ż-żmien u nħarsu lura lejn dan il-perjodu, irrid li jibqa’ mfakar għall-kisbiet kbar li għamel pajjiżna fl-aħħar snin, fosthom u ma jistax jonqos li nsemmi fejn jidħlu drittijiet ċivili. Iżda mhux biss. Personalment, it-timbru tiegħi nixtiequ jkun fuq id-deċiżjonijiet, li minkejja li ma jkunux faċli, iħallu mpatt pożittiv fuq is-soċjetà.

Nixtieq fuq kollox li nħalli impatt tajjeb fuq il-kwalita’ tal-ħajja tal-familji li nirrapprezenta fil-Parlament.  Nixtieq li n-nies li nirrapprezenta jkunu kburin bil-komportament tiegħi u kif nimxi fil-ħajja pubblika.

Jiena, fil-politika, ma nħarsix biss dak li qed jiġri llum, iżda nipprova nanticipa dak li se jiġri għada wkoll. Għalhekk, u anke meta nkun f’fora internazzjonali, nara xi jkun qed jingħad u jiġri f’pajjiżi lil hinn min nxtutna. Tajjeb li wieħed jinnota, li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, kien hemm mumenti fejn Malta kienet minn ta’ quddiem biex twettaq riformi.  Nixtieq li jkun hemm iktar minn dawn l-istanzi għaliex verament Malta tista’ twitti t-triq għal bidliet oħra fuq livell Ewropew u ‘l hinn.

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diġà għamel bosta riformi. Fis-snin li ġejjin, Owen, kif jara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded?

Irridu nkomplu fuq it-tajjeb li diġà wettaqna. Irridu nkompli niġġieldu ċertu stgma bħal pereżempju s-saħħa mentali u nkomplu naħdmu fuq aktar ugwaljanza bejn il-ġeneri; fejn nitilqu mill-ħsieb li l-ugwaljanza tinkiseb billi tingħata l-istess opportunità lil kulħadd, iżda ndaħħlu l-kunċett ta’ ekwità. Għalhekk, nindirizzaw bis-sħiħ l-individwalità, li kull persuna għandha l-kwalitajiet tagħha u dik għandha tkun iċċelebrata u mhux injorata. Inħares ’il quddiem biex tassew inkomplu ntejbu l-kwalità ta’ ħajjet in-nies.

Ir-riformi jwasslu għal bidliet importanti.  Nemmen, perezempju, li fil-kamp tal-IVF se nagħmlu ħafna u ħafna tajjeb b’dak li qed inwiegħdu li se nwettqu fl-ewwel 100 jum.   

Nemmen li Malta tassew tista’ tkun l-art tal-ugwaljanza.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Owen, xtaq iwassal messaġġ finali lill-elettorat Malti u Għawdxi…

Nhar is-26 ta’ Marzu għandkom għażla quddiemkom. Tridu għażlu bejn partit li qed jagħtikom 1,000 proposta f’manifest li huma mnebbaħ mill-ideat tan-nies stess, jew partit li lanqas huwa ċert minn dak li wiegħed f’manifest li biddel ħames darbiet. F’idejkom għandkom għodda li biha se tagħżlu bejn partit li tafu kemm wettaq ġid fl-aħħar snin u li għandu pjan għall-futur tagħhkom u ta’ uliedkom, jew partit li fl-aħħar snin kien mheddi fi ġlied intern li jreġġa’ l-pajjiż għall-passat.

Bħala Gvern konna magħkom  fil-maltemp, inħeġġiġkom issa biex inkunu flimkien għal Malta. Tassew, il-futur sabiħ.

Ekonomija

Sport