Wednesday, May 15, 2024

“Bħala uffiċjali rridu nservu mhux inħarsu lejn l-uċuħ”

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat 

Angelo Gafà – jokkupa l-ogħla rwol fil-Korp tal-Pulizija f’pajjiżna bħala Kummissarju. Qed jaħdem bis-sħiħ biex il-pubbliku japprezza aktar ix-xogħol tal-pulizija. Il-pjan tiegħu hu li għalkemm veru li r-rispett lejn il-Korp naqas, l-iskop tal-Korp huwa li dak ir-rispett jirbħuh lura billi jaħdmu għalih.

Kif ġietek il-ħajra li tidħol fil-korp tal-pulizija?

Ifhem ma qomtx filgħodu u għedt li rrid nidħol pulizija. Niftakar li kont qed nagħmel il-kors tal-public policy. Kien kors fejn għenni nifhem sew kif għandi nagħti servizz aħjar lill-pubbliku. Niftakar li kien hemm uffiċjali tal-pulizija miegħi u bil-mod il-mod beda jqarribni lejn din it-triq. Issa jien għall-bidu kont qed naħdem mal-Forzi Armati ta’ Malta fejn tajt l-aħjar tiegħi fir-rwol li kelli. Madankollu dan ix-xogħol ma tantx jqarrbek lejn in-nies jew aħjar il-pubbliku ġenerali.

Kif ħadtha l-aħbar meta ġejt maħtur bħala l-kummissarju l-ġdid tal-pulizija?

Qabel ma saret din l-għażla, il-korp u dawk kollha nvoluti bdew jippreparaw sew għal din is-selezzjoni. Meta mbagħad ġejt mgħarraf li jien kont se nkun il-kummissarju l-ġdid ma nistħix ngħid li emozzjonajt ruħi. Bdejt nidra għal din ir-realtà ġdida ta’ rwol bħala kummissarju tal-pulizija.

Semmejt ir-responsabbiltajiet. X’titlob eżattament din il-kariga?

L-ewwel u qabel kollox jiena rrid inkun ta’ eżempju għal ħaddieħor li naħseb hi ferm kruċjali f’dan l-istadju. Għandi viżjoni għall-korp tal-pulizija u nixtieq li nwettaqha. Aħna uffiċjali li rridu noħolqu l-ġid komuni u huwa għalhekk li qegħdin nippubblikaw strateġija li għandha toħloq ħafna affarijiet importanti.

Int kont ukoll kap eżekuttiv fi ħdan il-korp tal-pulizija. Kemm tgħallimt minn din il-kariga?

Naħseb li din il-kariga hi ferm essenzjali għax int tifhem aktar lill-uffiċjali li jinsabu fil-korp tagħna. Aħna qed nitkellmu fuq madwar 2,400 ruħ li huma impjegati f’dan il-korp. Kważi kważi nista’ ngħid li aħna daqs jekk mhux ukoll aktar minn sempliċi ministeru bħala staff. 

Min-naħa tiegħi meta kont qed nokkupa r-rwol ta’ kap eżekuttiv, ħsibt li nżid aktar ir-riżorsi umani sabiex ngħarrfu lill-pubbliku bl-operat tagħna.

Int bniedem magħruf li ma tħares lejn wiċċ ħadd. X’taħseb dwar din l-opinjoni tiegħi?

Fil-verità kull uffiċjal għandu jkun hekk. Irid ikun mexxej li jimxi b’eżempju kif għedtlek aktar qabel. Aħna bħala uffiċjali rridu nservu mhux inħarsu lejn l-uċuħ.

Għandek xi delizzju partikolari li tħobb tipprattika?

Iva bħala delizzji nħobb ħafna l-ġiri f’distanzi twal u anke nogħdos fil-baħar sabiħ ta’ Malta. Minkejja kollox, ftit fadalli ħin nipprattika dawn il-passatempi minħabba li din il-kariga titlob ħafna responsabbiltà. Minkejja kollox, jien bniedem li nemmen ħafna li importanti li żżomm ruħek fiżikament b’saħħtek. 

Fuq nota oħra, qegħdin nisħqu wkoll li l-uffiċjali kollha jkunu fiżikament b’saħħithom filwaqt li jżommu ruħhom attivi. Ma nistgħux nibqgħu bil-mentalità li ġaladarba għamilt test fiżiku qabel ma dħalt fil-korp, allura dak jgħodd tul il-karriera kollha tiegħek. Qegħdin nisħqu ħafna fuq dan il-fattur għax nemmen li hu ferm importanti għall-futur tal-uffiċjali tagħna.

Spjegalna ftit il-kunċett tal-community police li qed iddaħħlu ftit ftit fil-pajjiż dejjem sabiex tiżdied is-sigurtà.

Dan il-proġett qed jiġi rikonoxxut sew madwar Malta. Fil-fatt aħna se nkunu qed naħdmu id f’id mal-komunità sabiex nidentifikaw il-problemi relatati mal-lokalità jew iż-żona partikolari. Aħna bdejna dan il-proġett fil-Mellieħa u kellna riżultati sodisfaċenti ferm. Issa se nkunu qed nestenduh f’lokalitajiet oħra u persważ li se jkollna riżultati pożittivi wkoll.

Jekk nitkellmu dwar tema ieħor ferm attwali bħalissa hu r-rispett lejn l-awtorità li donnu qed imajna bil-mod. Fil-fatt naqas ħafna r-rispett mhux biss lejn il-pulizija iżda wkoll lejn għalliema u tobba. X’taħseb dwar dan il-fattur?

B’xorti ħażina hu fatt magħruf li dak kollu li qed tgħid int hu veru. Aħna qegħdin naħdmu wkoll f’din l-istrateġija li nedejna sabiex naħdmu għal dak ir-rispett li tant jixraqlu l-korp tal-pulizija. Nista’ ngħidlek li din mhux problema ta’ Malta biss iżda anke mad-dinja kollha. 

Jien irrid li l-pubbliku japprezza aktar xogħolna. Hemm parti kbira tal-popolazzjoni li tapprezza dak li nagħmlu għalkemm irridu ninsistu aktar ma’ ħaddieħor. Il-pjan tiegħi hu li għalkemm veru li r-rispett lejn il-Korp naqas, l-iskop tagħna huwa li dak ir-rispett nirbħuh lura billi naħdmu għalih – kif jgħidu bl-Ingliż, respect is earned

Kif taraha s-soċjetà Maltija tal-lum il-ġurnata?

Jien ma xtaqtx nitkellem biss fuq is-soċjetà Maltija iżda dik inġenerali. Illum qegħdin nitkellmu fuq soċjeta’ fejn qed tinbidel bid-dinja virtwali li qed ikollha parti importanti minn ħajjitna. Anke fejn għandu x’jaqsam kriminalita’, qed naraw fenomenu ġdid li fih qed jiżdiedu l-illegalitajiet virtwali. Fejn qabel kien ikollok gruppi kriminali li kienu jiltaqgħu f’xi triq jew pjazza, illum kollox qed isir b’mod virtwali. Xogħolna sar iktar kumpless u rridu nkunu dejjem aktar viġilanti dwar dak li qed iseħħ. Huwa għalhekk li rridu nedukaw aktar liż-żgħażagħ sabiex jużaw għodda importanti bħall-internet b’mod sew. Jekk jirnexxielna nikkomunikaw il-messaġġ tagħna tassew li jkollna soċjetà aktar sana u edukata fil-futur. Aħna qed naħdmu ħafna maż-żgħażagħ sabiex noħolqu kuxjenza għall-użu tajjeb tal-internet. Permezz ta’ dan kollu qed inħoss komunikazzjoni aħjar magħhom.

Taħseb li għandu jkun hemm pieni ħorox meta jkun hemm kliem dispreġjattiv fuq l-internet, dak li bl-Ingliż hu magħruf bħala hate speech?

Nemmen li wieħed għandu jikkontrolla kemm jista’ jkun dawn it-tipi ta’ realtajiet li qed ngħixu fihom illum il-ġurnata. Wieħed jaħseb li għax ikun quddiem skrin ta’ kompjuter jew inkella għax ikun fuq il-mowbajl mingħajr ma jkun hemm kuntatti fiżiċi, jkun jista’ jagħmel u jikteb li jrid. 

Wieħed ma jafx bil-ħsara li jagħmlu mhux biss lilhom infushom iżda anke lil ħaddieħor, aktar u aktar jekk dak li kitbu jiġi mxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja.

B’hekk xogħolna hu li nassiguraw mhux biss sigurtà fiżika iżda wkoll virtwali.

Nitkellmu dwar il-fenomenu ta’ Paceville u l-problemi li jġib miegħu dan il-post. X’taħseb dwar dan il-fatt?

Paceville bħala post hu sfida minnu nnifsu. Minn dejjem hekk kien mhux biss issa li ninsabu fi żmien il-pandemija. Qegħdin nistudjaw ħafna alternattivi u d-diskussjonijiet ilhom għaddejjin. Żgur li l-community policing se tkun qed tgħin aktar sabiex filwaqt li nkomplu nidentifikaw il-problemi li jġib miegħu dan il-post, naraw li nieħdu ħsieb ir-residenti u lil dawk kollha li jiffrekwentawh.

Meta pulizija jmur fuq il-post tax-xogħol, kemm hu importanti li jkun armat sabiex jipproteġi lilu nnifsu? F’liema fażi waslu l-body cams li tant ilna nitkellmu dwarhom?

Aħna bħala korp tal-pulizija nimxu fuq il-mudell Ingliż fejn uffiċjal ma jġorrx fuqu armi tan-nar iżda lembuba, taser gun u pepper spray li huma iktar siguri.

Nista’ ngħidlek li l-uffiċjali tagħna jkunu qed jagħmlu taħriġ f’dan ir-rigward sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw lill-aggressur bl-aqwa mod possibbli fejn l-għan tagħna hu li ma jweġġa’ ħadd.

Naturalment hemm ukoll dawk l-uffiċjali fi ħdan ir-Rapid Intervention Unit li huma attrezzati għal dak li jista’ jinqala’ f’każ ta’ emerġenza.

Issa rigward il-body cams, bħalissa għaddej tender dwar l-introduzzjoni tagħhom u dawn huma fundamentali sabiex l-uffiċjali tagħna jkunu attrezzati bl-aqwa mod possibbli. Fuq kollox, se nkunu qed nassiguraw li jkun hemm aktar trasparenza fid-deċiżjonijiet li jittieħdu u fuq kollox evidenza ta’ dak li jkun sar għax ħadd ma jista’ jmeri dak li jkun hemm fuq video.

X’inhu l-aħħar messaġġ li tixtieq tgħaddi bħala kummissarju tal-pulizija?

Nemmen li rridu naħdmu aktar fuq ir-rispett lejn l-uffiċjali tagħna. Barra minn hekk, aħna bħala pulizija rridu nassiguraw li dan l-istess rispett naslu għalih bl-azzjonijiet u bl-eżempji li nagħtu lis-soċjetà inġenerali.

Irrid li jkollna korp serju li ma jħares lejn wiċċ ħadd u fuq kollox se naħdmu sabiex nattiraw aktar żgħażagħ f’din il-professjoni li ttik ħafna sodisfazzjon. Fl-aħħar nett se naraw li s-salarju f’kull grad ikun aħjar sabiex kulħadd ikun kuntent b’dak li qed noffru. Dawn l-ingredjenti kollha se jkunu qed jgħinu sabiex ikollna korp tal-pulizija ta’ livell li jkompli jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi.

Sport