Tliet tfajliet li qatlu lil missierhom b’daqqiet ta’ sikkina kienu abbużati sesswalment u anke sfurzati jħaffru l-qabar tagħhom.
Dawn il-provi ġodda mressqa quddiem il-Qorti Russa jistgħu jkunu kruċjali fil-qtugħ tas-sentenza fil-konfront ta’ Krestina, Angelina u Maria Khachaturyan li qed jiġu mixlija bil-qtil ta’ missierhom fl-2018.
It-tfajliet li dak iż-żmien kellhom 17,18 u 19-il sena ammettew li huma qatlu lil missierhom bis-sikkina tiegħu stess filwaqt li ddikjaraw li kienu ilhom snin jiġu abbużati u ttorturati.
Il-katavru ta’ Mikhail Khachaturyan ta’ 57 sena kien instab b’għexieren ta’ daqqiet ta’ sikkina viċin il-lift tar-residenza li kienu jgħixu fiha.
L-ikbar tnejn mill-aħwa kienu qegħdin jaffaċċjaw akkużi b’rabta mal-qtil, filwaqt li oħthom iż-żgħira nstabet li mhux mentalment stabbli biex jittieħdu l-proċeduri kontriha.
Fil-qorti nstema’ l-mod brutali kif il-missier kien jaħqar lil uliedu u li saħansitra kien joħroġhom u jgħidilhom biex iħaffru l-post tad-dfin tagħhom.
Skont l-aħħar evidenza preżentata fil-qorti jidher ukoll li r-raġel kien ġibed filmati pornografiċi ma’ uliedu u li qasam dawn l-istess filmati ma’ ħaddieħor.
Ripertutament huwa kien jhedded lit-tfajliet li jekk ma jobdux l-ordnijiet tiegħu kien se joqtolhom u skont studji psikoloġiċi li sarulhom irriżulta li l-motiv tal-qtil kien għalihom riżultat ta’ biża’ li huma jispiċċaw maqtulin.
L-avukat difensur tal-vittma qiegħda tallega li l-ulied qatlu lil missierhom f’kilba għall-ġid tiegħu u li saħansitra kienu huma li xerrdu l-materjal pornografiku. Żiedet issostni li ma kienx hemm traċċi bijoloġiċi li juru li l-missier kien jabbuża minnhom u li huwa xogħol l-investigaturi li jiskopru l-verità.
Jekk jinstabu ħattja, Krestina u Angelina jistgħu jeħlu bejn tmien snin u 20 sena ħabs.
Fl-2019, l-eks kandidata għall-elezzjoni presidenzjali fir-Russja Ksenia Sobchak kienet qalet li tkun “diżgrazzja għall-ġustizzja” jekk l-aħwa jispiċċaw il-ħabs wara dak li għaddew minnu.