Saturday, December 21, 2024

Biden jgħid li l-Istati Uniti se tiddefendi lit-Tajwan jekk iċ-Ċina tattakka

Aqra wkoll

Kelliema għall-White House jinsistu li l-politika tal-Istati Uniti fil-konfront tat-Tajwan għadha l-istess

L-Istati Uniti tidħol biex tiddefenti lit-Tajwan u hija kommessa li tiddefendi lil din il-gżira li ċ-Ċina tgħid li hi tagħha. Hekk qal il-President Amerikan Joe Biden fis-sigħat li għaddew, iżda ftit wara l-White House qalet li dan ma jfissirx li l-politika Amerikana fil-konfront ta’ din il-gżira nbidlet. 

Meta mistoqsi minn CNN dwar jekk l-Istati Uniti tidħolx biex tiddefendi lit-Tajwan – hekk kif din tal-aħħar qiegħda tesperjenza pressjoni militari u anke politika miċ-Ċina – Biden qal li, “iva, aħna impenjati li nagħmlu dan.”

Filwaqt li Washington hija obbligata bil-liġi li tipprovdi lit-Tajwan b’mezzi biex tkun tista’ tiddefendi lilha nnifisha, hija tinsab f’dik li ħafna jqisu bħala “ambigwità strateġika” dwar jekk għandhiex tintervjeni militarment biex tipproteġi lit-Tajwan f’każ li ċ-Ċina tattakka.  F’Awwissu li għadda, uffiċjali fl-amministrazzjoni ta’ Joe Biden kienu qalu li l-politika tal-Istati Uniti fil-konfront tat-Tajwan ma nbidlitx u dan wara li l-President ukoll kien ta x’jifhem li l-Istati Uniti lesta li tiddefendi lil din il-gżira jekk tkun attakkata. 

Dwar l-aħħar kummenti ta’ Biden f’dan ir-rigward, kelliemi għall-White House saħaq li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-politika fil-konfront tat-Tajwan u naqas milli jelabora meta kien mistoqsi jekk Biden ħax żball meta qal hekk. Il-kelliemi qal li, “ir-relazzjoni ta’ difiża tal-Istati Uniti mat-Tajwan hija ggwidata mit-Taiwan Relations Act. Aħna kommessi li li nonoraw l-impenji tagħna taħt dan l-att, u nkomplu nappoġġjaw id-difiza tat-Tajwan.”

Min-naħa tagħha, iċ-Ċina qalet li l-Istati Uniti għandha toqgħod attenta u ma tibgħatx messaġġi żbaljati filwaqt li  għandha tevita li tikkawża instabbiltà fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom u fir-reġjun.  L-Istati Uniti m’għandha l-ebda rabtiet diplomatiċi uffiċjali mat-Tajwan, iżda hija tbigħilha armi bħala parti mit-Taiwan Relations Act li jgħid li l-Istati uniti għandha tipprovdi l-mezzi biex din il-gżira tiddefendi lilha nnifisha. L-Istati Uniti għandha rabtiet formali maċ-Ċina u anke diplomatikament tirrikonoxxi l-pożizzjoni taċ-Ċina, dik li hemm biss gvern wieħed Ċiniż.

Ekonomija

Sport