Sunday, May 19, 2024

Floriana jappellaw mid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Kontroll u Dixxiplina tal-MFA

Aqra wkoll

Floriana FC ħabbru li l-klabb se  jappella mid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Kontroll u Dixxiplina tal-Malta Football Association li mmultat lill-klabb €3,000, flimkien ma’ tnaqqis ta’ tliet punti sospiżi sal-aħħar tal-istaġun wara li nstab ħati ta’ abbuż razzjali waqt il-partita tal-BOV Premier League kontra Santa Luċija li ntlagħbet fl-14 ta’ Awwissu wara li “uħud mill-partitarji tagħhom offendew lill-goalkeeper avversarju bi kliem ta’ natura u/jew konnotazzjoni razzista u dan bi ksur tal-artikolu 4I (a) (i) u 4 (I) (b) (i) u (ii) tal-Kodiċi Dixxiplinari tal-assoċjazzjoni.“

Il-klabb qal li wara li evalwa r-raġunament tal-bord, il-klabb diġà beda l-proċess biex iressaq appell għad-deċiżjoni u qed jirriserva wkoll id-dritt tiegħu li jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu quddiem korpi internazzjonali rilevanti.

Floriana FC qalu li l-klabb kien “immedjatament ikkundanna u ddistakka ruħu mill-imġieba inaċċettabbli ta’ persuna waħda li xtrat biljetti online biex tidħol fl-istands tal-Floriana fil-Tony Bezzina Stadium.”

Il-klabb innota l-istqarrija ta’ Santa Lucia FC li “ikkonfermat li s-sentenza mogħtija mill-Bord ta’ Kontroll u Dixxiplina tal-MFA toħloq preċedent għal abbużi minn individwi li l-intenzjonijiet tagħhom jistgħu jmorru lil hinn mill-ġid tal-logħba u fl-aħħar mill-aħħar għad-detriment tal-klabbs.”

Sport