Monday, June 9, 2025

BIDLIET KOSTITUZZJONALI

Aqra wkoll

Bqajt wieħed minn dawk li mhumiex konvinti li pajjiżna jeħtieġ xi bidla mill-qiegħ tal-kostituzzjoni, kif jintqal ta’ spiss minn uħud. L-argument tagħhom hu li l-kostituzzjoni nktibet fi żminijiet għal kollox differenti minn tal-lum skont kundizzjonijiet u ċirkostanzi politiċi kompletament differenti: li hu veru.

Madankollu jidhirli li lqajna tajjeb biżżejjed għall-bidliet meħtieġa li qamu matul is-snin permezz ta’ liġijiet separati u emendi fil-kostituzzjoni. Minnha nnifisha il-kostituzzjoni ma tinħassx mikduda jew antikwata. Anzi il-bżonn hu li nistinkaw biex tiġi osservata b’mod koerenti, li mhux dejjem ġara. Wisq ta’ spiss, il-kelma tal-kostituzzjoni ġiet osservata imma l-ispiritu tagħha mhux rispettat. Qabel kwalunkwe bidla radikali, ikun aħjar li nosservawha fil-kelma u fl-ispirtu.

PERIT

Hemm nies fil-ħajja li tibqa’ tiftakarhom tul is-snin għall-ħeġġa, id-dedikazzjoni u l-integrità li juru fit-twettiq ta’ dmirijiethom. 

Il-perit Maurice Galea, li miet il-ġimgħa l-oħra, kien dat-tip ta’ persuna, wieħed mill-aqwa professjonisti tal-ġenerazzjoni tiegħu, mogħni f’kull sens tal-kelma bil-kwalitajiet li jikkostitwixxu dak li jissejjaħ “public servant”. Sirt nafu snn twal ilu meta kien responsabbli tas-servizzi tekniċi-professjonali tal-Korporazzjoni Maltija tal-Iżvilupp (wara saret il-Malta Enterprise), u jien kont deputat chairman eżekuttiv tagħha. Flimkien mal-General Managers Noel Zarb Adami u Vince Farrugia  kellna quddiemna sfidi enormi għal dak iż-żmien, fost oħrajn: fabriki tal-ħwejjeġ jagħlqu, tal-farmaċewtiċi jikkonsolidaw, tal-inġinerija jibdew jipproduċu, tal-istat se jagħlqu jew jinbigħu; il-bidu tal-binja li llum hi l-Freeport; il-bini ta’ fabriki ġodda; twaqqif ta’ funderija; il-bidu tal-investiment kbir fl-elettronika, illum l-ST Micorelectronics.

F’dawn u fi proġetti oħra il-perit Galea ta kontribut tal-aqwa kwalità, bla fanfari. Wara, segwejt mill-bogħod il-ħidma tiegħu li baqgħet imprezzabbli. 

Iddispjaċieni li kont imsiefer għall-funeral tiegħu. Kien jixraqlu l-aqwa ġieħ. Il-kondoljanzi profondi jmorru mingħandi lill-familja tiegħu.

IN-NEWTRALITÀ LLUM

Uħud li jemmnu fin-newtralità ta’ Malta u jaqblu magħha (f’hekk jagħmlu tajjeb) għadhom madankollu jqisuha biss f’termini addattati għaż-żmien meta ddaħħlet bħala politika tal-istat Malti. Mentri minn dak iż-żmien lil hawn, iċ-ċirkostanzi geo-strateġiċi tar-reġjun fejn ninsabu u tad-dinja in ġenerali nbidlu, anke fondamentalment.

Din l-attitudni toffri opportunità għal min ma jaqbilx man-newtralità jew hu xettiku dwarha biex isostni li appuntu, anke jekk meta ddaħħlet in-newtralità kienet valida, issa m’għadhiex.

Mentri mhu minnu xejn li n-newtralità tal-pajjiż m’għadhiex rilevanti. Il-prinċipju ewlieni jibqa’ li l-pajjiż mhu se jservi tal-ebda theddida militari lil ħadd, speċjalment lill-popli u pajjiżi ġirien tiegħu. Is-suriet li tieħu n-newtralità fit-twettiq ta’ dal-prinċipju bilfors jirriflettu l-bidliet fl-ambjent internazzjonali li jdawwarna, imma hi tibqa’ valida u tal-akbar siwi politikament u diplomatikament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport