Diskussjonijiet dwar bidliet kostituzzjonali ġeneralment jitilqu – bħal dwar il-bini ta’ metro – lejliet elezzjonijiet ġenerali. Joffru spunt għal argumenti li ftit jista’ jkollhom xi effetti negattivi għax kważi kulħadd jemmen li din hi materja li ftit se tinbidel f’futur qarib. Dir-rutina x’aktarx tirrepeti ruħha fiż-żmien li ġej.
Hawn se ntenni xi ktibt diġà kemm-il darba… x’aktarx ukoll f’dal-blogg. Ma nara l-ebda siwi f’bidliet kostituzzjonali llum jew għada, jekk qabel ma ngħaddux minn żmien li matulu dak li tassew tgħid il-kostituzzjoni jiġi onorat fil-kelma u fl-ispirtu. Qabel kull diskussjoni dwar bidliet, ikun aħjar forsi li bi qbil bejn in-naħat politiċi kollha, jiġu elenkati dawk l-oqsma kollha fejn dak li tgħid il-kostituzzjoni tħalla fuq il-karta. U d-diskussjoni tkun fuq għaliex dan ġara, fejn u meta ġara, u dwar x’għandu jsir biex il-kostituzzjoni tiġi rispettata verament kif inhi.
VERITÀ U PARTIĠJANIŻMU
Il-partiġjaniżmu jinsab fil-qalba tad-demokrazija parlamentari li neċessarjament tistrieħ fuq l-organizzazzjoni ta’ partiti li jibqgħu ħajja per mezz tas-solidarjetà bejn il-membri. Din trid tintwera mhux biss meta l-affarijiet ikun sejrin għat-tajjeb imma wkoll meta jinqala’ l-għawġ.
Issa hemm għawġ li jinqala’ għal raġunjiet li l-politika ta’ partit ma tkunx qed tingħoġob biżżejjed mill-poplu. Hemm għawġ li jirriżulta minn żbalji politiċi jew personali ta’ membri tal-partit magħmula mingħajr animu ta’ qerq. U hemm l-għawġ imqanqal minn imġiba u deċiżjonijiet “żbaljati” meħuda minn uħud, b’suspett ta’ mottivi ulterjuri jew fid-dell tagħhom.
Fit-tliet każi irid jiġi eżerċitat il-partiġjaniżmu biex iżomm il-partit magħqud u koerenti. Fit-tliet każi wkoll, iridu jitpoġġew il-limiti għal safejn għandu jitwassal il-partiġjaniżmu għax dil-kwalità ma tistax titqies bħala valur assolut.
QUO VADIS EWROPA?
L-Unjoni Ewropea għadha tipproklama l-valuri u l-veritajiet tagħha bil-konvinzjoni li drajna minnha. Madakollu, meta tiġi biex twettaqhom l-affarijiet donnhom jisfumaw.
Fl-isforz kontra t-tisħin tal-klima; fit-tmexxija tad-dinja diġitali; fl-irregolamentar tal-globalizzazzjoni; fil-kontroll tal-immigrazzjoni; fir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, mar-Russja u maċ-Ċina; dwar il-politika ta’ difiża u l-gwerra tal-Ukrajna; dwar it-tkabbir tal-istess għaqda Ewropea lejn pajjiżi mhux membri, fost oħrajn, l-Unjoni jew tinsab imwaħħla meta tiġi biex tagħmel pass, jew tagħmel pass ’il quddiem u nofs wieħed lura, jew fid-deher turi li minn ġewwa hi maqsuma.
Ix-xquq jidhru fil-livell tal-Kunsill Ewropew u tal-Ministri, kif ukoll fil-livell tal-Parlament Ewropew. Taw xhieda ta’ direzzjoni Ewropea pjuttost imħarbta, il-battikbekki li qamu dwar jekk u kif se jiġi ratifikat il-ftehim tal-Mercoscur ma’ pajjiżi tal-Amerika Latina, u dwar jekk il-partiti “pro-Ewropa” għandhomx jivvotaw mal-lemin “estrem” fuq kwistjonijiet ewlenin.

