Sunday, November 24, 2024

BIDU LEJN IMMANIĠĠJAR AĦJAR TAT-TRAFFIKU

Aqra wkoll

Id-dibattitu dwar l-immaniġġjar aħjar tat-traffiku ħa żvolta oħra fil-jiem li għaddew wara l-proposti li ħabbar il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, li għandhom l-għan li jtaffu l-konġestjoni tat-traffiku kemm fl-immedjat kif ukoll għaż-żmien aktar fit-tul. Dawn il-proposti li issa bdiet konsultazzjoni dwarhom sabiex kull min jixtieq jagħti s-suġġerimenti jkun jista’ jagħmel dan, huma bbażati fuq numru ta’ pilastri ewlenin.

Fost l-oħrajn qed ikun propost li servizzi u deliveries għall-ħwienet isiru f’ħinijiet off peak, fejn hawn il-Gvern irid imexxi bl-eżempju. F’dan ir-rigward ilna ħafna nisimgħu li għaddejjin id-diskussjonijiet u għalhekk hemm bżonn li din il-proposta nibdew naraw l-implimentazzjoni tagħha.

Issemmew ukoll l-inċentivi li għandhom iwasslu biex jiġu limitati l-użu tal-vetturi. Inċentivi li huma immirati li fost oħrajn jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jakkwistaw liċenzja tas-sewqan kif ukoll li l-ħaddiema jużaw il-karozza privata tagħhom fl-off peak hours u mhux fis-sigħat fejn l-aktar li jinġema’ t-traffiku.

Miżura oħra tirrigwardja faċilitajiet ġodda ta’ park and ride fil-qalba tal-lokalitajiet. F’dan is-sens, qed jiġi propost li jiġi kkunsidrat parkeġġ fi spazju pubbliku bħalma huma parkeġġi fi skejjel.

Proposta oħra hi dwar it-trasport pubbliku bil-għan li jiġu evalwati rotot ġodda u diretti u reviżjoni tar-rotot kollha. B’żieda ma’ dan hemm ukoll it-titjib fil-kordinazzjoni tax-xogħlijiet bejn l-entitajiet kollha konċernati u proġetti infrastrutturali fit-toroq. F’dan il-kuntest, infaħħru wkoll il-proposta li jinħoloq Kumitat biex jikkordina aħjar x-xogħlijiet infrastrutturali u tittejjeb il-komunikazzjoni mar-residenti.

Huwa tajjeb għalhekk li l-Gvern qed jipproponi dawn il-miżuri biex fl-aħħar mill-aħħar tonqos il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq. Imma r-responsabbiltà ma taqax biss fuq il-Gvern, iżda wkoll fuq il-pubbliku inġenerali. Dan għaliex ikun inutli li jsiru ħafna proposti u jittieħdu l-miżuri jekk imbagħad il-pubbliku ma jikkoperax.

Wara kollox, dawn il-miżuri proposti huma intenzjonati li mhux biss inaqqsu l-konġestjoni imma wkoll li jagħmlu t-toroq Maltin aktar sikuri. Minbarra dan, il-Gvern se jkompli jinċentiva l-użu tor-roti u l-mixi mhux biss bħala mezzi ta’ trasport alternattiv imma wkoll biex ikattar aktar is-sens tal-ħtieġa tal-eżerċizzju fiżiku li huwa tajjeb għas-saħħa.

Fit-twettiq ta’ dawn il-miżuri, il-Gvern żamm konsultazzjoni diretta mal-imsieħba soċjali biex jisma’ xi ħsibijiet għandhom għal dan ir-rigward filwaqt li ppreżenta quddiemhom il-proposti tiegħu għall-immaniġġjar tat-traffiku. Dan sar b’konformità li l-Gvern qabel jiddeċiedi jikkonsulta ma’ dawk kollha interessati fis-soluzzjoni tal-problemi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport