Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Meta kelli madwar sitt snin kont immur ma’ ommi biex niġbru lil oħti mill-atletika. Wara ftit, il-kowċ ta’ oħti beda jħeġġiġni biex immur niġri l-aħħar ftit tas-sessjoni mal-atleti l-oħrajn. Kont nieħu gost u b’hekk, ftit wara, bdejt nittrenja jien ukoll.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala atleta.
L-esperjenza tiegħi bħala atleta hija wahda li ma nbiddel ma’ xejn. Laqqgħetni ma’ ħafna nies li grata li sirt nafhom għax kull persuna għenitni b’xi mod jew ieħor. Apparti minn hekk, għallmitni nkun reżiljenti, determinata u ddixxiplinata għaliex trid tagħmel bosta sagrifiċċji fosthom tittrenja f’kull tip ta’ temp u tqum kmieni filgħodijiet anke jekk ma’ jkollokx aptit. Għalkemm insib bosta sfidi bħal kull atleta oħra, nipprova nibqa’ b’mentalitá pożittiva. Eċitata biex inkompli naħdem u nilħaq l-aħjar livell li nista’.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
S’issa, wieħed mill-ikbar suċċessi li kelli kien meta rbaħt midalja tal-fidda fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta’ Malta fil-1500m fl-2023. Apparti minn hekk fl-2019 ġejt l-ewwel fit-800m fl-EKAG f’Brno fir-Repubblika Ċeka. Kienet esperjenza li fissret, u għadha tfisser ħafna għalija għax kienet l-ewwel darba li rrappreżentajt lil Malta. Apparti minn hekk, is-sena l-oħra rrappreżentajt lil Malta fil-Kampjonati Ewropej tal-U18 fit-800m fejn ksibt ir-rekord nazzjonali fil-kategoriji U18 u U20. Din kienet esperjenza li kont ilni ħafna naħdem għaliha u kienet tfisser ħafna għalija. Barra minn dan, matul dawn is-snin irnexxieli nikser numru ta’ rekords nazzjonali f’distanzi differenti u kategoriji differenti. L-aktar riċenti kienu fit-5km, 3000m, 1000m u 600m.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-atletika f’pajjiżna qiegħed dejjem jogħla, u l-atleti dejjem qed jiksbu riżultati aħjar. Dan huwa grazzi għall-hidma tat-tim ta’ Athletics Malta, kif ukoll il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) u SportMalta, li jaħdmu qatigħ biex jagħtuna opportunitaijiet barra minn Malta. B’hekk inkunu nistgħu nikkompetu ma’ atleti barranin biex inġibu iktar esperjenza u nkunu nistgħu ntejbu l-ħinijiet tagħna. Barra minn hekk, għandna ħafna kowċis li qegħdin dejjem jitgħallmu iktar u li grazzi għalihom, il-livell tal-atletika dejjem qed ikompli jogħla. Huwa wkoll grazzi għall-voluntiera li jassistu fil-kompetizzjonijiet biex dawn ikunu possibli, li dan il-livell jista’ jkompli jogħla, għax kull kompetizzjoni tghħn lilna l-atleti niksbu ħinijiet u riżultati aħjar.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Ir-riżorsi huma tajbin, u grata li għandna trakka approvata fejn nistgħu nittrenjaw. Minkejja dan, meta jkollna temp estrem, bħal meta jkollna maltempati, riħ qawwi u sħana estrema, ikollna diffikultá biex nittrenjaw u dan huwa ta’ żvantaġġ fejn atleti barranin, li għandhom ‘indoor tracks’ li jużaw meta t-temp ma jħallihomx jagħmlu t-taħriġ barra.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li dan l-aħħar il-Maltin bdew iħarsu lejn l-isport iktar b’mod pożittiv. Qed jinvestu iktar ħin fih. Qed ikun hawn konkorrenza iktar qawwija, speċjalment fil-ġiri fid-distanzi twal, u ħafna qed jagħtu importanza lill-eżerċizzju fiżiku. Fl-atletika qegħdin dejjem jiżdiedu l-atleti ż-żgħar li huma l-futur tal-isport f’pajjiżna, u tajjeb li nibqgħu noħolqu opportunitajiet għalihom biex inkomplu ntejbu l-livell tal-isport f’pajjiżna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Inħossni lesta biex inkompli naħdem biex nilħaq l-għanjiet tiegħi fl-atletika. Imma fuq kollox grata li għandi l-opportunitá li nittrenja ma’ tim kbir ta’ atleti b’għanijiet simili għal tieghi u li għandi sistema ta’ sapport kbira madwari, mill-familja, il-klabb tiegħi Zurrieq Wolves, sal-kowċ tiegħi Kevin Galea li mingħajru ma nkunx nista’ ntejjeb il-livell tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Naħseb li biex ikollok karriera ta’ suċċess, f’kull sport, hemm bżonn is-sagrifiċċji u d-determinazzjoni. Trid tkun lest jew lesta li taħdem anke meta ma jkollokx aptit u taċċetta li mhux se jkollok ħafna ħin għal affarijiet oħra. Għalhekk, trid titgħallem timmaniġġja l-ħin tajjeb biex tlaħħaq ma’ affarijiet kemm tista’. Madanakollu, xejn mhu impossibli u jekk taħdem u tistinka tista’ tilħaq l-għanijiet li tagħmel għalik innifsek.