Tuesday, March 10, 2026

“Biex insalvaw il-ħajja tat-tifla, kellna naqtgħu saqajjha”

- Omm Amy li qiegħda tiġġieled kanċer aggressiv u rari

Aqra wkoll

“It-tifla tagħna Amy instab li kellha kanċer rari u aggressiv ħafna… u f’minuta waħda d-dinja tagħna nqalbet ta’ taħt fuq.” Hekk stqarret omm Amy filwaqt li kompliet tgħid li “ħajjitna ntliet bil-biża’, kuljum deħlin u ħerġin l-isptar kif ukoll kellna nieħdu deċiżjonijiet li l-ebda ġenitur qatt ma jimmaġina li jrid jieħu.”

Tkompli tgħid li meta t-tobba qalulhom x’għandha t-tifla qalbhom inqasmet… “iżda fl-istess waqt ridna nsibu s-saħħa biex nagħtu kuraġġ lit-tifla u tkun tista’ tiġġieled l-akbar battalja ta’ ħajjitha.”

Omm it-tifla tgħid li waqt dan il-vjaġġ kollu kien hemm Puttinu Cares. “Kien ta’ sapport kbir għalina waqt l-aktar ġranet mudlama u dejjem ifakkarna li aħna mhux qegħdin weħidna b’mod speċjali meta kellna morru r-Renju Unit biex Amy tagħmel operazzjoni maġġuri,” tirrakkonta l-omm.

L-omm tgħid li Puttinu mhux biss ta post fejn jgħixu… “Tagħna tama f’qalbna u wriena biċ-ċar li ħadd ma hu se jkun waħdu…”

“Illum Amy hija s-supereroj tagħna. Bis-super poteri tagħha u b’sieq superjuri ħadd u xejn ma jista’ jwaqqafa milli tagħmel dak li tħobb… Marret lura l-iskola flimkien mal-ħbieb, bdiet titgħallem il-kant u anke ingħaqdet mal-Paralympic swimming. Tara wiċċha u toħlom fejn trid tasal tinsa kollox…” tgħid omm Amy.

Tappella biex fil-Ġimgħa l-Kbira kulħadd għandu jgħid lil Puttinu biex ikun ta’ sosten għal aktar tfal morda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport