Sunday, December 22, 2024

“Biex inwettqu dan kollu jeħtieġ tagħtuna l-fiduċja tagħkom”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-PM Robert Abela jwieġeb dwar il-viżjoni tal-gvern f’diversi setturi jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja

Waqt attività politika minn Ħaż-Żebbuġ, il-Prim Ministru kien qiegħed iwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet. Fost numru ta’ mistoqsijiet tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Huwa qal li waqt id-diskussjonijiet li kellu fl-aħħar sigħat fi Brussell, spiċċa bla kliem għad-diskors tal-President Ukren li b’mod virtwali jagħmel diskors ta’ tħassib u jagħlaq l-intervent tiegħu li din x’aktarx kienet l-aħħar darba li l-mexxja kienu qegħdin jisimgħu l-intervent tiegħu. Huwa qal li minn dan u minn dak li qalu mexxejja oħra ġirien tal-Ukrajna, seta’ japprezza kemm aħna xxurtjati li ngħixu f’pajjiż stabbli b’serħan il-moħħ li għandna l-paċi. 

Huwa qal li kemm ilu mexxej, kellu jaffaċċja l-aktar Kunsilli Ewropej intensivi li bdew mill-pandemija, għal irkupru ekonomiku u issa anke gwerra. Huwa saħaq dwar l-importanza tal-għaqda u qal li pajjiżna se jkun qiegħed jikkontribwixxi wkoll mill-aspett mediċinali biex jgħin bil-mod kif jista’ f’din is-sitwazzjoni.

Abela tkellem dwar il-preokkupazzjoni taż-żieda fil-prezz taċ-ċereali u l-qamħ. Minbarra dawn hemm r-realtà tal-gass, l-kurrent elettriku u l-prodotti anċillari. “Ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi aħna se nkunu qegħdin inżommu l-prezz tal-enerġija stabbli”, wiegħed il-Prim Ministru Abela.

Abela qal li l-messaġġ ta’ pajjiżna kien wieħed favur il-proprju Ukren iżda bbażat fuq il-prinċipju tan-newtralità u ħadna pożizzjoni li ma tagħmilx sens li kull persuna ta’ nazzjonalità Russa huwa ħażin.  

Żieda ta’ 15 fil-mija fl-istipendji

Rigward l-istipendji, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li jekk il-poplu jogħġbu jerġa’ jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista se nkunu qegħdin nassistu għal żieda ta’ 15 fil-mija fl-istipendji. Huwa fakkar dwar il-kredibbiltà tal-gvern li fl-aħħar budget żied l-istipendji b’10 fil-mija. Barra minn hekk il-gvern għażel li jibqa’ jippremja l-bżulija u b’hekk dawk l-istudenti li jaħdmu sa 25 siegħa fil-ġimgħa jżommu l-istipendju b’mod sħiħ. 

€700 miljun għal spazji ħodor ġodda

Abela tkellem dwar l-investiment proġettat fuq medda ta’ seba’ snin biex b’fond allokat ta’ €700 miljun jiżdiedu l-ispazji ħodor f’pajjiżna. Huwa qal li sakemm jingħalaq l-investiment fl-infrastruttura tal-istess valur, bi pjan ambizzjuż, gvern Laburista se jkun qiegħed iwettaq proġetti li se jibdel il-wiċċ tal-pajjiż kompletament. 

Huwa qal li kunċetti ambjentali se jkunu qegħdin jingħaqdu f’katina għal kwalità ta’ ħajja aħjar b’żoni privati li se jkunu qegħdin jinxtraw mill-gvern biex jiġu trasformati fi spazju miftuħ għaċ-ċittadini.

Abela tkellem dwar l-inizjattivi ambjentali ta’ dan il-gvern u l-pjan ta’ rkupru. Fakkar li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret l-pjan ta’ rkupru fejn kull pajjiż ippreżenta pjan li seta’ jiġi miċħud jew aċċettat. Żied jgħid li l-Oppożizzjoni kienet qalet li qiegħed jieħu ħafna żmien biex jiġi mfassal. Meta ppreżentat dan kien mfaħħar ferm mill-istess President tal-Kummissjoni Ursola von der Leyen li ddeskriviet l-pjan ta’ pajjiżna bħala l-aktar wieħed ambjentalment b’saħħtu minn dawk tas-27 stat membru.

Se nibqgħu nkunu ta’ spalla għan-negozji

Il-Prim Ministru serraħ moħħ in-negozji li bħalma kien magħhom f’dawn l-aħħar snin waqt l-isfidi li ġabet il-pandemija, se jkun qiegħed jagħmel dan f’kull mument li jkun hemm bżonn.

Abela qal li meta kien hawn bżonn tal-għeluq, in-negozji kienu preokkupati, iżda fl-istess waqt fehmu li hekk kien hemm bżonn biex nipproteġu s-saħħa tal-poplu. Kien hawn biża’ li pajjiżna se jkollu żieda bla preċedent fejn jidħol il-qgħad, iżda dan il-gvern irnexxielu jdawwar dan it-tbassir fl-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. Fakkar li t-tbassir kien ukoll li pajjiżna jkollu rata ta’ imwiet li wkoll kellha taqbeż l-eluf, iżda dan il-gvern irnexxielu jmexxi b’għaqal wkoll fil-qasam tas-saħħa biex isalva l-ħajjiet.

Tkellem ukoll dwar il-Corporate Tax Rate u li din se tkun qiegħda titnaqqas minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija għall-ewwel €250,000 qligħ u fisser li din hija konferma tal-fiduċja ta’ dan il-gvern fin-negozji. Għal dik il-kumpanija li tidħol f’din l-sikema dan se jkun ifisser €25,000 ta’ taxxa frankata. Abela qal li l-ewwel reazzjonijiet tan-negozjanti kienet li se jkunu qegħdin jinvestu dawn il-flus fil-ħaddiema biex ikomplu jdawru r-rota ekonomika ta’ pajjiżna.

Barra minn hekk, il-Prim Ministru tkellem dwar it-twewwigħ fit-tax bands u kif dan il-gvern se jkun qiegħed iwieżen l-iżjed lill-batut biex ikompli jikkonferma r-ruħ soċjali tiegħu.

“Biex inwettqu dan kollu li tkellimna dwaru, fis-26 ta’ Marzu jeħtieġ tagħtuna l-fiduċja tagħkom. Biex inwettqu dan kollu għandna bżonn l-għajnuna tagħkom. Kunu parti mill-kampanja Malta Flimkien. Biex dan kollu nissiġillawh fis-26 ta’ Marzu rridu nħaddnu prinċipju wieħed Malta Flimkien il-futur sabiħ”, temm Abela.

Ekonomija

Sport