“Ma jistax ikollna paċi jekk min hu b’saħħtu jgħaffeġ fuq iż-żgħir.” Kien b’dan id-diskors li l-Prim Ministru Robert Abela indirizza laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-paċi u s-sigurtà fl-Ukrajna.
Hawn il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-isfidi l-kbar li qed tiffaċċja d-dinja llum jistgħu jkunu megħluba biss jekk il-pajjiżi jaħdmu flimkien.
“Irridu nippromwovu l-valuri komuni fi żmien fejn dawn qed ikunu imminati u mhedda. Irridu nipproteġuhom u nwieġbu b’mod adegwat kontra kull ksur ta’ dawn il-valuri,” semma l-Prim Ministru Abela li rrefera għal kif il-kunflitti qegħdin jiżdiedu.
“Id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jinsabu taħt attakk sistematiku. L-inugwaljanzi qed jiżdiedu. Id-disinformazzjoni u l-kampanji tal-misinformazzjoni qed iżidu wkoll it-tensjoni,” irrimarka l-Prim Ministru. Huwa quddiem dawn l-isfidi kollha li ħadd ma jista’ jaġixxi waħdu.
Meta tkellem b’mod dirett dwar l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, il-Prim Ministru tkellem dwar l-effetti fuq il-poplu Ukren filwaqt li żied li din il-gwerra thedded ukoll l-istess Kunsill tas-Sigurtà. “Kull gwerra tħalli effett devastanti u din mhux eċċezzjoni,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar effetti oħra tal-istess gwerra, inkluż bi kriżi ta’ ikel u prezzijiet dejjem jiżdiedu.
Hawn il-Prim Ministru reġa’ tenna li l-impenn ta’ Malta għall-paċi, id-djalogu u l-multilateraliżmu jibqa’ b’saħħtu bħal dejjem. Fl-istess ħin appella biex il-forzi u l-militar Russu jirtira mill-Ukrajna.