Saturday, May 18, 2024

“Għamilna minn kollox biex Malta u Għawdex ikunu fuq il-mappa għal raġunijiet it-tajba”

Aqra wkoll

Waqt il-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Indipendenza, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dawn l-aħħar snin mhux dejjem kienu faċli imma “wettaqna d-dover tagħna u jiena stajt nagħmel dan għaliex żammejt dejjem li għandi quddiem għajnejja l-appoġġ tagħkom.”

Hija kompliet tgħid li: “David Casa u jien qed inwettqu ħafna f’isimkom fil-PE. Urejna li għandna vuċi soda. Għamilna minn kollox biex Malta u Għawdex ikunu fuq il-mappa għal raġunijiet it-tajba.”

Tenniet li tkun il-President tal-PE u li tkun membru tal-PE jfisser li trid tiddeċiedi. Kultant id-deċiżjonijet ikunu iebsa imma qalet li l-importanti huwa li jittieħdu b’responsabbiltà.
Metsola qalet li l-Indipendenza u s-sħubija ta’ Malta fl-UE ma kinux deċiżjonijiet tal-mument imma deċiżjonijiet li jħarsu lejn il-futur. Issa, kompliet tgħid il-President tal-PE, fuqna għandna responnsabbiltà li nsarrfu l-viżjoni tagħna għal Malta indipendenti Ewropea.

Qalet ukoll li rridu naraw Malta aħjar, stabbli u li tkabbar il-prosperità. “Aħna rridu sistemi li jaħdmu tajjeb, fejn min jagħmel l-affarijiet kif suppost jimxi ‘l quddiem. Malta fejn l-orjentazzjoni sesswali ma twassalx għal hate speech jew diskriminazzjoni.”

“X’inhi l-viżjoni tagħna għal dan in-nazzjon żagħżugħ bi storja kbira? Malta pajjiżna lkoll. Imma aktar minn hekk Malta hi darna u għal Malta rridu eċċellenza f’dak kollu li nagħmlu,” qalet Metsola.

Il-President tal-PE tkellmet ukoll dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku u qalet li jeħtieġ li jkun hemm sistemi ta’ traffic management aħjar. Saħqet li għandhom “is-soluzzjonijiet” biex itejbu l-ambjent f’pajjiżna u biex jintlaħaq l-eċċellenza f’dan il-qasam.

Dwar Għawdex, hija qalet li dan jista’ jkun fil-qofol tat-tranżizzjoni diġitali fl-Ewropa u mudell ambjentali mill-aqwa.

Sport