Friday, May 3, 2024

Bernard Grech jgħid li f’dan il-pajjiż m’għadux isaltan il-ħaqq

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza l-mass meeting tal-Indipendenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li f’dan il-pajjiż m’għadux isaltan il-ħaqq. Dan filwaqt li skontu qegħdin ngħixu f’pajjiż fejn mhux kulħadd huwa ugwali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni beda biex qal li jinsab kburi bil-Kapijiet kollha tal-PN, li fi kliemu stess raw biss “il-ġid tal-poplu tagħna u ta’ pajjiżna.” Qal li se jkun qed iwassal dan id-diskors għax jemmen fil-potenzjal ta’ pajjiżna u fil-poplu. Huwa tkellem dwar l-allegat każ ta’ abbuż fil-benefiċċji soċjali u akkuża lill-Gvern li qed iħares lejn id-diżabilità biex jara kif se “jisraq il-vot.”

Huwa attakka wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija li mhux qed jagħmel xogħlu sew, filwaqt li saħaq li wħud mill-istituzzjonijiet “inħakmu” u ma jinstabux hemm biex jiggarantixxu d-drittijiet tagħna lkoll. Grech qal li l-viżjoni tal-PN hi differenti u jemmnu li se jwettqu ekonomija ta’ kwalità b’industriji moderni li jħallsu pagi tajbin, bi standards għoljin, fejn kull min jaħdem u min iħaddem ikun jista’ jibqa’ jaspira biex ikollu xogħol u impjiegi aħjar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li flimkien irridu nirbħu l-ġlieda għas-sewwa, għaż-żgħir, għal min jinvesti b’mod ġust, għaż-żgħażagħ, għall-anzjani, għall-Għawdxin u għall-ħaddiema kollha. “Aħna ninsistu li int jixraqlek aħjar. Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ħajja aħjar f’pajjiżna,” tenna Grech. “Se nibqgħu dak il-partit li ninvestu fik. Ejja lkoll naħdmu biex pajjiżna jerġa’ jkun pajjiż rispettat. Kuraġġ. Il-politika tagħna hi waħda fejjieda u b’saħħitha.”

Sport