Saturday, December 21, 2024

Biex ma nitilfux li ksibna

Jikteb Evarist Bartolo

Aqra wkoll

Nofs siegħa bogħod minna hemm Sqallija b’ekonomija staġnata, qgħad, faqar u emigrazzjoni. Rasimbras il-Maltin jaqilgħu d-doppju ta’ dak li jaqilgħu l-Isqallin.

40 minuta ‘l bogħod minna hemm it-Tuneżija: b’ħajja ferm aktar diffiċli minn tal-Isqallin għall-ħafna Tuneżini. Rasimbras il-Maltin jaqilgħu 10 darbiet daqskemm jaqilgħu t-Tuneżini. Kien hemm żmien fejn il-Maltin kienu jemigraw lejn it-Tuneżija jfittxu ħajja aħjar.

Nuqqasijiet għandna u hemm x’nirranġaw imma mindu bdejna nmexxu lilna nfusna 60 sena ilu, imxejna ‘l quddiem u għandna l-ogħla livell tal-għixien fil-Mediterran. Flok nitgħajru u nwaħħlu f’xulxin li xi ħadd minna m’għamilx biżżejjed biex inħarsu lill-poplu tagħna milli nintlaqtu ħażin mit-taxxi ġodda fuq il-vapuri tal-merkanzija u tat-trailers, mhux aħjar nitgħallmu kif nistgħu naħdmu aħjar biex id-deċiżjonijiet Ewropew li jitfasslu flimkien magħna jagħtu każ bis-serjeta’ l-bżonnijiet tagħna?

Se nitgħallmu naħdmu iżjed flimkien u aħjar? : Gvern, Dar Malta fi Brussel, Membri Parlamentari Ewropej, il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti, l-għaqdiet tan-negozju u l-unions biex nieħdu sehem sħiħ kif jintagħġnu l-liġijiet fl-Unjoni Ewropea biex naraw li jkunu ta’ ġid u mhux ta’ ħsara għalina. Kull ħolqa minn dawn hi essenzjali li tagħmel dmirha u jekk ħolqa, imqar waħda, hija dgħajfa, iddgħajjef il-katina sħiħa u ssirilna l-ħsara.

Hemm bżonn ta’ aktar għaqda nazzjonali biex nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Inkella se nitilfu dak li ksibna fl-aħħar 60 sena mindu bdejna nmexxu lilna nfusna. Jekk ma nieħdux ħsieb dak li għandna, mhux talli ma nmorrux ‘il quddiem, iżda nmorru lura.

Iżjed nies … is-servizzi jlaħħqu?

Minn kull 10 li jaħdmu f’pajjiżna, mill-inqas 4 huma minn pajjiżi oħra. Mingħajr il-barranin li għandna jaħdmu fostna, ħafna mix-xogħolijiet f’pajjiżna jieqfu. Mingħajr il-barranin ma jkollniex min jibni, jagħmel it-toroq, isajjar u jservi f’ristoranti u jagħti servizz f’lukandi, isuq il-karozzi tal-linja u taxis, jiġbor l-iskart, jieħu ħsieb l-anzjani, jikkura l-morda fl-isptar, jipproduċi fil-fabbriki u jaħdem f’setturi oħra tal-ekonomija tagħna…

Qed inġibu barranin fostna għax qed jitwieldu ftit Maltin biex ilaħħqu mat-tkabbir ekonomiku. Fl-1952 kull mara f’Malta kien ikollha medja ta’ erbat itfal. Illum qed ikollha wieħed. Fl-1952 twieldu f’pajjiżna 8,862 trabi. Is-sena li għaddiet twieldu 4,863, iżjed minn terz minnhom lill-nisa ġejjin minn pajjiżi oħra. L-importanti li nġibu kemm jiflaħ pajjiżna u kemm tassew għandna bżonn u li nsibu kif ngħixu flimkien. Il-bqija jkollna l-inkwiet. Jekk ikollok pajjiż armat biex jgħixu fih 400,000 u jibdew jgħixu fih 600,000 se jkollok problem serji.

Il-qassisin kienu jiżżewġu

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Knisja messha tibda tħalli l-qassisin Kattoliċi jiżżewġu kif kienet tħalliehom fl-ewwel elf sena tagħha. Fl-2019 fis-sinodu tal-Amażonja diġa’ saret talba biex hemmhekk il-qassisin Kattoliċi jitħallew jiżżewġu għax hemm nuqqas kbir ta’ qassisin. Kien fl-1139 meta l-Knisja ddeċidiet li ma tħallix lil min irid isir qassis Kattoliku jiżżewweġ. Waħda mir-raġunijiet kienet li ma riedetx li wlied il-qassisin jirtu l-propjeta’ li kienu jingħataw għall-ħidma tagħhom għax hekk il-knisja kienet tispiċċa mingħajr propjeta’.

Il-qassisin Insara Ortodossi u Nsara Protestanti tħallew jiżżewġu mill-knejjes tagħhom.

U meta qassisin protestanti u Anglikani 30 sena ilu telqu lill-knisja tagħhom għax ma qablux li n-nisa bdew jiġu ordnati qassisin, tħallew jingħaqdu mal-knisja Kattolika bħala qassisin miżżewġin. Fl-1549 il-Protestanti qablu li l-qassisin għandhom jitħallew jiżżewġu. Kienu jirraġunaw li jekk ma jitħallewx jiżżewġu xorta se jkun hemm fosthom li jfittxu sfog sesswali, jew waħedhom, jew mal-prostituti jew billi jpoġġu ma’ xi mara bħala konkubina.

Daħlet regola li bdiet tinkiser

Wara l-1139 fil-knisja Kattolika daħlet ir-regola li l-qassisin kellhom jibqħu fiċ-ċelibat, ma jkunux attivi sesswalment u ma jiżżewġux. Imma f’ħafna pajjiżi Kattoliċi, fosthom Malta u Għawdex, kien hemm qassisin li kienu jpoġġu man-nisa, msejħa konkubini.

Il-Papa ma jistax jibdel domma tal-fidi, imma regola jista’ jibdilha. Li l-qassisin Kattoliċi ma tħallewx iżjed jiżżewġu fl-aħħar elf sena hi regola u mhux domma. Il-Konċilju ta’ Trentu (1543-1563) kien ikkonferma r-regola li l-qassisin Kattoliċi m’għandhomx jitħallew jiżżewġu biex turi li huma qassisin aħjar minn dawk Protestanti li jitħallew jiżżewġu. Hemm tradizzjoni reliġjuża, qabel il-Kristjaneżmu li l-qassisin jibqgħu verġni biex ikunu rġiel speċjali u superjuri għall-irġiel l-oħra.

Fl-1977 l-istoriku Malti Godfrey Wettinger kien ħareġ studju dwar in-nisa konkubini li kellhom il-qassisin Kattoliċi f’Malta u Għawdex bejn l-1420 u 1550. Hu kien kiseb it-tagħrif tiegħu mid-dokumenti fl-arkivji tal-Arċisqof, tal-Kattidral tal-Imdina u tal-Kurja.

Ekonomija

Sport