Monday, December 9, 2024

Proġetti fil-qalba tal-komunità tan-Nadur

Aqra wkoll

Il-komunità tan-Nadur tgawdi minn żewġ proġetti ta’ tisbiħ u spazji ġodda, b’investiment mill-Gvern li qed ikompli jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li dawn iż-żewġ proġetti huma eżempju ċar ta’ kemm dan il-Gvern baqa’ dejjem ta’ spalla għall-kunsilli Lokali sabiex ikomplu jwettqu u jimplimentaw proġetti fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Hija kompliet tispjega fuq l-importanza li l-Kunsilli Lokali jagħrfu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom sabiex isarrfu l-fondi fdati lilhom f’proġetti u inizjattivi li jkomplu itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti, filwaqt li jgħollu l-valur ekonomiku u turistiku tal-lokalità.

“Proġetti bħal dawn ta’ spazji miftuħa huma essenzjali sabiex nassiguraw komunitajiet aktar vibranti, b’saħħithom u aċċessibbli fejn il-komunità kollha tista’ tgħix, taħdem u tqatta’ ħin ta rikreazzjoni” temmet tgħid is-Segretraju Parlamentari Zerafa Civelli.

L-investiment fl-ispazju miftuħ ta’ Muxa ta’ San Ġwann inkluda trasformazzjoni ta’ bankina tal-konkos għal spazju rikreattiv b’pavimentar ġdid u aċċessibbli. Filwaqt li ġiet installata sistema ta’ dawl ġdid, ġew installati bankijiet ġodda filwaqt li ġew introdotti pjanti ġodda. Dan il-proġett kien iffinanzjat minn fondi tal-Kunsill Lokali u mill-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex.

Il-proġett ta’ tisbiħ fil-pjazzetta Arċipriet Martin Camilleri qed isir b’finanzjament mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali bħala parti mill-iskema għal “Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali – Komunitajiet Isbaħ u Aktar b’Saħħithom”. F’din il-pjazzetta ser isir pavimentar ġdid b’madum porvido, ser jiġu installati bankijiet ġodda u aċċessibbli għal kulħadd, ser tinbidel is-sistema tad-dawl li ser tirrispetta l-ambjent tal-madwar u ser jiġi installat ħadid ġdid bħala konok għas-siġar eżistenti.

Is-Sindku tan-Nadur Edward Said qal li dawn il-proġetti u inizjattivi tal-Kunsill Lokali tan-Nadur huma turija ta’ kemm dan il-Kunsill qed juża l-fondi mogħtija lilu b’għaqal favur ir-residenti u l-lokalità tan-Nadur.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali tan-Nadur.

Ekonomija

Sport