Wednesday, July 9, 2025

‘Biex tagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol trid tibqa’ dedikat u tħobb l-isport’ – Andrea Mizzi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira. Bdiet sempliċiment bi flokk li xtrawli ommi u missieri ta’ plejer partikolari u qbadt insegwi l-futbol. Dak iż-żmien urejt ix-xewqa li nibda nilgħab il-futbol u kitbuni man-nursery ta’ Lija Athletic FC.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Gudja United FC.
L-esperjenza preżenti ma’ Gudja United FC hija tajba ħafna. Tul l-istaġun li għadda ħassejtni nikber bħala plejer bis-saħħa tal-plejers l-oħra, il-kumitat li dejjem għenuna u ħadu ħsiebna u l-istaff tekniku li mmotivani ħafna biex nagħti l-aħjar li nista’.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
L-istaġun li għadda lħaqna t-tragward tagħna li nżommu postna fiċ-Challenge League. Ħafna nies iddubitawna u b’hekk jagħmel dan it-tragward iktar sodisfaċenti għalina. Nisperaw li dis-sena nkomplu nibnu fuq dak li għamilna l-istaġun li għadda.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Orosco Anonam?
L-esperjenza tal-kowċ Orosco Anonam kienet parti integrali għalfejn aħna lħaqna t-tragward tagħna tul l-istaġun li għadda. Fuq nota personali, il-kowċ irnexxielu jimmotivani u joħrog l-aqwa abbilitajiet tiegħi.

U fuq il-kumutat immexxi mill-president, Dr Duncan Borg Myatt?
Toqgħod tikkunsidra li l-Gudja huwa raħal żgħir, Dr Duncan Borg Myatt, flimkien mal-Kumitat għamlu biċċa xogħol tajba fejn żammew il-klabb tal-Gudja stabbilit fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti għal sitt snin u issa anke fiċ-Challenge League.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Personalment, naħseb li l-livell tal-futbol Malti meta kkumparat ma’ ta’ barra minn xtutna għadu lura. Hemm ċerti affarijiet li ma naqbilx magħhom bħan-numru ta’ plejers barranin li jistgħu jilagħbu fil-Malta Premier. Qed issir iktar diffiċli għall- plejer Malti li jilgħab fl-ogħla livell biex b’hekk ikun jista’ jżid il-livell tiegħu. Infatti tul l-istaġun li għadda rajna plejers li kienu stabbiliti fil-Premier jinżlu fiċ-Challenge League biex jilagħbu iktar regolari.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala riżorsi, toqgħod tikkunsidra li aħna pajjiż żgħir naħseb li għandna l-limitazzjonijiet tagħna. Peró, naħseb li iktar ma jgħaddi żmien il-kwalitá tal-grawnds qed tiżdied.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Nixtieq li eventwalment nerġa’ nilgħab fil-Malta Premier.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Biex tagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol trid tibqa’ dedikat u tħobb l-isport! M’għandek tħalli lil ħadd iwaqqaflek il-motivazzjoni … trid tibqa’ temmen fik innifsek u tegħleb dawn l-ostakli!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport