Sunday, December 22, 2024

“Biex tirbaħ il-klassifika tal-midalji, irid ikollok kollox ezatt … hekk kellna u kollha flimkien wasalna”

- Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta' SportMalta kif ukoll Ċermen tal-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob tal-Pajjiżi-ż-Żgħar li saru b’tant suċċess f'Malta

Aqra wkoll

Kont qed tistenna li niksbu riżultat daqshekk inkredibbli fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Bla dubju ta’ xejn meta wieħed ikollhu pjan serju allura jkun qed jistenna r-riżultati. Però, l-isport u l-kompetizzjonijiet sportivi trid tirbaħhom u għalhekk kien hemm ċerta stennija. Kien ċar u evidenti li iktar ma beda jgħaddi ż-żmien u meta tibda tara kif l-atleti kienu qed jippreparaw ruħhom, l-indikazzjoinijiet kienu cari. 

Malta fl-edizzjoni 2023 preżentat l-aħjar tim, l-aktar tim dedikat, l-aktar tim magħqud u għalhekk inkiseb l-aħjar riżultat. Jekk issaqsini il-previżjonijiet x’kienu minn qabel ngħidlek li l-mira li stabbilixxejna flimkien kienet dik ta’ 23 midalja tad-deheb u t-tielet post fil-klassifika tal-midalji. Iktar kemm bdiet tersaq il-ġimgħa deċisiva ta’ Malta 2023, bdejna nindunaw li dan huwa iktar milli possibli. Bi 38 midalja tad-deheb u 97 midalja totali, ktibna flimkien paġna ġdida tal-isport Malti.

Imbagħad kien hemm element ta’ organizzazzjoni fejn anke hawn hekk kien hemm stennija. Flimkien ma’ Kumitat Organizzattiv tal-ogħla livell irnexxielna jkollna Logħob ta’ suċċess.  Mhux ta’ b’xejn dan il-Logħob ġie mfaħħar mill-Kumitat Olimpiku Ewrpew, u minn pajjiżi li ħadu sehem fosthom Andorra li se jospitaw l-edizzjoni li jmiss, li qalu li dawn kienu Logħob superjuri.

X’kien is-sigriet ta’ dan is-suċċess?
 
Ma kienx hemm sigriet, kien hemm pjan fit-tul.  Kien hemm min kien xettiku li dan il-pjan se jirnexxi u fortunatament dan ix-xettiċiżmu minn nies viċin l-isport ġie mibdul f’iktar grinta biex naslu. Pjan li beda lura fl-2017 meta l-Ministru Clifton Grima, il-president tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello flimkien miegħi qbilna fuq il-pjan sal-2023.  Tlabna lill-Gvern biex jgħin lill-atleti dirett fil-preparazzjoni teknika u waslu €4.9 miljun minn National Development and Social Fund.  Tlabna lill-Kumitat Olimpiku Malti jfassal pjan ta’ hidma, u flimkien mal-Assoċjazzjonijiet tfassal pjan dettaljat. Ġew ingaġġati kowċis ta` livell għoli f’kull sport sabiex inkunu ċerti li l-pjan imfassal jiġi attwat b’mod professjonali.  Barra minn hekk, sar investiment sabiex ħafna atleti jinqalbu b’mod professjonali jew semi-professjonali, u dan tejjeb mhux ftit il-livell tal-wirjiet tagħhom. 

Imbagħad kien imiss li dan il-pjan jiġi attwat u għalhekk saru monitoring b’mod kontinwu u laqgħat tekniċi, fejn kienet issir il-valutazzjoni ta’ kull ġimgħa ta’ kull atleta.  Barra minn hekk, ħafna atleti kienu qed jippreparaw ruħhom barra l-pajjiż.  Kien evidenti li biex inti tagħmel progress, trid tikkompeti u tagħmel it-taħriġ ma’ min hu aħjar minnek. Ir-riżultati urewna li kull min mar b’mod ripetut jitħarreġ barra minn xtutna, laħaq il-miri tiegħu.  Mhux hekk biss imma l-atleti tagħna ħarġu mill-‘comfort zone’ tagħhom, telqu lill-familji tagħhom, siefru flimkien, għamlu ħafna sagrifiċċji li wasslu għas-suċċess mixtieq. Iktar kemm beda jersaq viċin il-Logħob, saru diveri re-unions għall-atleti biex dawn jiġu motivati u jkunu aktar magħqudin bħala tim.  Għall-ġimgħa tal-logħob, poġġejna lill-atleti f’post ċentrali f’Malta, ‘il bogħod mid-distrazzjonijiet, ‘il bogħod mill-kontinġenti l-oħra, post li kien attrezzat għal dak kollu li kull atleta jkollu bżonn inkluż nutrizzjoni u mistrieħ. 

Dawn l-ingredjenti waslu għas-suċċess.  Nixtieq nirringrazzja lil ħafna nies li kienu s-sigriet tas-suċċess b’mod partikolari l-Gvern li għen b’kull mod possibli sabiex naslu għas-suċċess inkluż is-Settur Pubbliku li għen biex ħafna ħaddiema jiġu mogħtija l-opportunitajiet kollha biex jilħqu l-objettivi tagħhom. Biex tirbaħ il-klassifika tal-midalji, irid ikollok kollox eżatt … hekk kellna u kollha flmkien wasalna. Iċ-ċirasa fuq il-kejk tkun tim ta’ atleti kollha professjonali u li riedu akkost ta’ kollox jirbħu.  
 
X’inhi t-triq ‘il quddiem għal SportMalta u għall-isport lokali?
 
SportMalta għamlet progress kbir f’dawn l-aħħar snin mit-trasformazzjoni tagħha fl-2014.  Sar investiment ta` iktar minn €60 miljun fil-faċilitajiet, saru kampanji favur sport u attvitá fiżika li skont il-Euro barometer qed iħallu l-frott. Barra minn hekk, SportMalta qed torganizza avvenimenti u programmi kbar u ta’ livell, u għalhekk fil-pjan strateġiku għall-entitá li bħalissa qed jitfassal, qed nataw biex ikomplu nikbru, ngħollu iktar il-livell u nsiru iktar sostenibbli u inklussivi.  Hemm pjanijiet għal iktar faċilitajiet, fosthom pjanijiet biex insaħħu l-akkademji u pjanijiet biex inkomplu bl-għajnuna tagħna lill-Moviment Paralimpiku u lil Special Olympics Malta. 

Biex niftaħ parentesi, kemm kont kuntent insegwi r-riżultati eċċellenti ta’ Team Malta fl-iSpecial Olympics li saru f’Berlin. Il-konċentrazzjoni u determinazzjoni tal-atleti Maltin kienet ta’ ispirazzjoni għal ħafna. SportMalta se tkompli tgħin biex dawn l-atleti jtejbu iktar il-prestazzjonijiet tagħhom. Kif se tkompli tgħin lill-Assoċjazzjonijiet, hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ ħabbar l-impenn tal-Gvern li jinvesti iktar fl-atleti tagħna.  Mhux hekk biss fiż-żmien li ġej SportMalta se tkun qed tiftah dipartiment ieħor – dak ta` sapport għall-atleti sabiex ikomplu jkunu ta’ servizz għall-atleti elite.
 
L-isport lokali jista’ jħares lejn il-futur b’ottimiżmu u d-dikjarazzjoni tal-Ministru Clifton Grima li issa rridu naġevolaw il-ħajja tal-ateti fl-edukazzjoni tagħhom timla lill-isport bil-kuraġġ. Hija impossibli li nippretendu li atleta żagħżugħ iżomm il-commitment sportiv tiegħu u fl-istess ħin iżomm ma’ dak kollu li għandu fil-kurrikulu.  L-edukazzjoni trid tkun aktar flessibli li ddur mal-atleta u mhux viċi-versa. Dan irid isir b’determinazzjoni li rridu l-bidla għax il-bidla tista’ tkun il-pass li jmiss sabiex nagħmlu qabża oħra fil-kwalitá!
 
 

Ekonomija

Sport