Wednesday, July 24, 2024

“Bikom warajja pajjiżna se jibqa’ jkun pajjiż ta’ suċċess”- Il-PM

Aqra wkoll

“L-investiment fil-poplu huwa l-aktar investiment li jrendi. Għax meta tagħti spinta ’l quddiem lil dan il-poplu, dan il-poplu jirrispondi bis-saħħa. Għalhekk għandna l-aqwa ekonomija fl-Ewropa, għax aħna poplu bieżel u dinamiku. Poplu li ma jibżax mill-isfidi, imma li minflok jaffrontahom u jirbħilhom. Għalhekk kburi ħafna li jien il-Prim Ministru tagħkom, għax naf li bikom warajja pajjiżna se jibqa’ jkun pajjiż ta’ suċċess.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika fil-Ħamrun.

Dr Abela saħaq li f’dawn l-aħħar sentejn ġie mwettaq ħafna ġid. Fost diversi miżuri mwettqa semma kif iż-żgħażagħ bdew jieħdu €1000 fis-sena għal għaxar snin biex isiru sidien ta’ darhom.

Semma wkoll il-kontijiet tad-dawl stabbli u l-introduzzjoni ta’ benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. “Tajna l-akbar żidiet fil-pensjonijiet, fiċ-children’s allowance u fil-paga minima nazzjonali. Dik hija s-saħħa ta’ Malta Flimkien. Għax emmintu f’dan il-pjan, rajtu l-ġid,” saħaq Dr Abela.

Tkellem ukoll fuq is-settur tal-edukazzjoni fejn semma kif ġie rduppjat l-investiment f’dan is-settur. Saħaq li lill-għalliema se jagħtuhom l-akbar żidiet illi qatt ingħataw fl-istorja, qed jinbnew skejjel ġodda, bdiet sistema ġdida ta’ stipendji speċjalment għal dawk li jistudjaw suġġetti partikolari. Kompla li għall-istudenti l-aktar vulnerabbli ġiet imwessa’ skema disgħa, filwaqt li ġenituri b’ulied ta’ aktar minn 16-il sena li jkomplu jistudjaw se jingħataw benefiċċju ġdid ta’ €500 għal tlett snin.

Dr Abela saħaq li dan il-Gvern ġab impjiegi ta’ kwalità u kien tarka kontra x-xokkijiet tal-prezzijiet. Tenna li hekk kif fil-manifest ġie mwiegħed tnaqqis fit-taxxa, hekk se jkun qed isir fejn ġenituri li jaqilgħu sa’ €1000 fix-xahar mhux se jibqgħu jħallsu taxxa. Dan se jħalli kważi €600 fil-bwiet tal-familji middle class.

Qal ukoll li lin-negozji se jkunu qed jaġġornawlom is-sistema tat-taxxa. “Tan-naħa l-oħra ċedew l-armi mill-ewwel. Qalulna li m’għandhomx pożizzjoni dwar it-taxxa komuni imposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Aħna konna u se nibqgħu niġġieldu għall-azjendi tagħna. Kommess ukoll li nindirizza d-distinzjoni fit-taxxa bejn azjenda barranija u waħda Maltija. Il-benefiċċji fis-sistema tat-taxxa se jmorru lil kull negozju li jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna,” saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela semma wkoll il-pjanijiet għal-lokalità tal-Ħamrun fosthom li jiġu riġenerati Ġnien Anton Buttigieg, Ġnien Oreste Chircop u Ġnien il-Vittmi Ħamruniżi, u li jinħoloq spazju miftuħ ġdid biswit l-iskola li jkun jinkludi ġnien komunitarju u tagħmir ieħor għat-tfal. Qal ukoll li għaddej il-proġett ta’ rinnovazzjoni biex tiftaħ mill-ġdid l-għassa u se jiżdied l-investiment fil-forzi tal-ordni fil-lokalità.

“Kemm fadlilna x’nagħtukom, għaliex hekk jistħoqqilkom. Imma biex dan il-pjan isir realtà, tridu tibgħatu messaġġ ċar fit-tmienja ta’ Ġunju. Ksibtu wisq biex l-arloġġ jitħalla jitreġġa lura. Jien mhux se nibża mill-gwerra qaddisa tagħhom, anzi se nibqa’ kalm u sod. Kunu miegħi għal pajjiżna,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

Sport