Tuesday, December 17, 2024

BIL-MALTI

Aqra wkoll

Issemmiet dan l-aħħar inizjattiva interessanti u siewja biex it-tfal jitgħallmu jitkellmu, jaqraw u naħseb jiktbu bil-Malti. Din tuża bħala mudell il-mod kif snin ilu, meta l-istazzjonjiet tat-televixin kienu jew bil-Malti jew bit-Taljan, it-tfal tgħallmu t-Taljan billi segwew programmi tal-cartoons bit-Taljan.

Li tassew tgħallmu t-Taljan b’dal-mod kien fatt. U peress li bil-wasla fostna ta’ tant barranin, ħaġa tagħmel sens ħafna hi li t-tfal tagħhom jingħataw kull opportunità possibbli biex jitgħallmu l-Malti. Biss jekk fhimt tajjeb, l-inizjattiva hi indirizzata wkoll lejn tfal Maltin. 

Dan l-aspett jiftaħ tieqa fuq realtà inkwetanti. Numru sostanzjali ta’ tfal Maltin m’għandhom l-ebda għarfien tajjeb u prattiku tal-ilsien Malti. Biex jitgħallmuh iridu jgħaddu minn proċess edukattiv imfassal l-aktar fuq l-esperjenza ta’ tfal li jitgħallmu lsien barrani għalihom. Hemm ħafna xi tgħid u tqis dwar dir-realtà, kemm mill-perspettiva tal-identità Maltija, kemm mil-lat tal-inkwiet li dejjem jiżdied, dwar jekk il-lingwa Maltija għandhiex futur.

FIDUĊJA 

Jekk se nemmnu f’xi jgħidu r-riżultati tal-istħarriġ tal-opinjoni (li mhux dejjem hi idea tajba: qis dawk ta’ qabel l-aħħar elezzjoni presidenzjali fl-Amerika) ir-reputazzjoni tal-politikanti f’Malta hi baxxa ħafna fost iċ-ċittadini. Jitqiesu bħala li jiġbdu għal xawwathom (biex ma ngħidux xi ħaġa ħafna aktar offensiva), li maqtugħa mill-ħajja tal-poplu, li arroganti…

Ħaġa ċara: ir-riżultati jixirqilhom jittieħdu bis-serjetà. Jipprovdu konferma “fattwali” ta’ x’jintqal ta’ spiss f’diskors bejn Ċikku u Peppu, li dwaru ftit tista’ tiġġeneralizza.

Il-mistoqsija hi: Ir-riżultati kif jistgħu jittieħdu bis-serjetà? – billi l-politikanti kollettivament jiddikjaraw penitenza u jdaħħlu kodiċi ta’ imġiba li japplika għal kulħadd bl-istess mod? U  min għandu jieħu r-riżultati bis-serjetà? Iċ-ċittadini?… imma dawn m’għandhomx diġà l-elezzjonijiet fejn jistgħu jiċċensuraw lil min jagħtihom fil-għajn?

L-ELEZZJONI ĠERMANIŻA

Għall-elezzjoni bikrija fi Frar li ġej fil-Ġermanja l-aqwa tat-tbassir qed imur favur id-demokristjani mmexxija minn Friedrich Merz. Xorta jkollhom bżonn li jdaħħlu f’koalizzjoni magħhom xi partit ieħor, bl-akbar ċans jintqal li tkun waħda mas-soċjal-demokratiċi li jiġu fit-tieni post, għalkemm din mhix ħaġa żgura.

Numru ta’ fatturi jistgħu jaqilbu l-bigħa b’mod mhux daqstant prevedibbli. L-inkwiet qed jikber fost ħafna votanti… dwar il-qagħda ekonomika li sejra għall-agħar, bit-theddida tas-sensji tinxtered… u bit-theddida tal-gwerra li jarawha qed tiżdied… Politikament hemm l-inċertezzi dwar kemm il-lemin estrem jista’ jkompli jikber u dwar kemm il-partit xellugi ġdid ta’ Sahra Wagenknecht  se jqanqal appoġġ.

Lanqas ma wieħed jista’ jinjora l-kapaċità tal-kanċellier Olaf Scholz li matul ix-xhur tilef ħafna mill-popolarità tiegħu biex jerġa’ jġibha lura bil-manuvri makakki tiegħu.

X’jiġri fil-Ġermanja għadu importanti ħafna għall-bqija tal-Ewropa.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport