“Huwa biss bil-proċess tal-paċi li nistgħu naraw li dan l-uġigħ li ilu għaddej minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, xi darba jista’ jintemm u jingħeleb.” Qal dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici f’intervent li għamel fil-Parlament fejn irrefera għall-kunflitt li għaddej bejn l-Iżrael u l-Ħamas.
Dr Bonnici semma kif f’Settembru li għadda, hu flimkien mal-Ministri tal-Kultura minn kull rokna tad-dinja, kien ipparteċipa f’laqgħa tal-UNESCO fil-Messiku. Qal li l-laqgħa kellha tiffoka fuq l-arti u l-kultura iżda l-attenzjoni tad-dinja kollha kienet fuq l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna.
Huwa sostna li fost il-ħafna kelliema li tkellmu f’din il-laqgħa, kien hemm l-intervent tal-Ministru tal-Kultura tal-Palestina Dr Atef Abu Saif. Dakinhar Abu Saif kien qal b’mod ċar: “huwa tajjeb nikkundannaw l-okkupazzjoni tar-Russa fl-Ukrajna, tajjeb li ngħixu u ngħinu biex din l-okkupazzjoni tintemm però nsejna li fil-Palestina hemm poplu li huwa okkupat? Qed ninsew lil Gaża? Qed ninsew lill-poplu Palestinjan? X’qed nistennew biex naħdmu għall-paċi fil-Lvant Nofsani?”.
Il-Ministru Bonnici qal ukoll li lil Atef li jgħix f’Gaża bgħattlu biex jara kif inhu. “Ħadt ir-ruħ meta weġibni. Qalli li l-okkupazzjoni ma tistax jibqa’ għaddejja, il-proċess tal-paċi jrid jerġa’ jibda u hekk biss li l-affarijiet jistgħu jitjiebu. Fuq dan il-punt tal-proċess tal-paċi, żgur Atef għadu raġun.”
Huwa tenna jgħid: “Nemmen b’qalbi kollha li l-poplu ta’ Iżrael għandu d-dritt kollu li jgħix fil-paċi f’Iżrael u mhux fil-paċi tat-terrur. Il-poplu ta’ Iżrael huwa poplu li bata ħafna tul is-snin, li kkontribwixxa ħafna lid-dinja u bla dubju ta’ xejn jixraqlu kull rispett.
“Però nemmen bl-istess mod li l-poplu tal-Palestina għandu d-dritt kollu li jgħix fil-Palestina u mhux imjassar u umiljat b’okkupazzjoni li kulma jmur tiggrava u taqleb għall-agħar bis-settlements illegali li tarahom b’għajnejk u fid-dawl tax-xemx,” tenna l-Ministru Bonnici.
“Missu jistħi min jgħid li l-Iżrael jew l-istat ta’ Iżrael m’għandux dritt jeżisti. Bl-istess mod missu jistħi min jgħid li l-Istat tal-Palestina m’għandux dritt jeżisti jew addirittura li qas hemm ġens Palestinjan jew li dan ma jeżistix.”
Huwa qal ukoll li bl-akbar ġenwinità “joħlom u jixxennaq” għal dak il-mument fil-ħajja tagħna fejn l-Iżrael u l-Palestina jgħixu flimkien bħala żewġ pajjiżi ħielsa u indipendenti, ħbieb ta’ xulxin fl-art li bi ftehim tista’ tkun id-dar b’konfini ċari u maqbula tat-tnejn li huma.
“Ħa nkun ċar kristall. Dak li seħħ fis-7 ta’ Ottubru li għadda meta l-Ħamas attakkaw lill-Iżrael, qatlu nies innoċenti, ħatfu l-ostaġġi u xerrdu d-demm huwa kundannabbli għall-aħħar. L-ostaġġi innoċenti li nħatfu għandhom jiġu rilaxxati kollha.
“Dan l-attakk barbaru kien ħafna agħar mill-attakki li kienu saru fl-2014 u li kienu wasslu biex imbagħad Iżrael irritalja, ibbumbardja Gaża u ntilfu ħafna ħajjiet ta’ nies innoċenti li m’għandhom tort ta’ xejn.
“B’qalbi sewda u mnikkta qed nara li dak li qed ngħixu fl-2023, probabbilment mid-diskors li qed jintqal pubblikament, se jkun agħar minn dak li seħħ fl-2014,” tenna l-Ministru Bonnici.
Qal li l-istorja ta’ 75 sena ta’ tixrid ta’ demm f’din iż-żona tant importanti fid-dinja turina li jekk mhux se jkun hemm attentat ta’ proċess serju ta’ paċi dan iċ-ċiklu ta’ vjolenza, ta’ attakk u ritaljazzjoni, ta’ tpattija, se jibqa’ għaddej. L-istorja ta’ 75 sena ta’ tixrid ta’ demm turina li għall-ħelsien ta’ artu u għas-sigurtà ta’ pajjiżu, wieħed ikun lest iċarċar demmu.
“Dan huwa mument ta’ prova enormi”
Huwa għalhekk, kompla jgħid il-Ministru Bonnici, li dan iċ-ċiklu ta’ vjolenza se jibqa’ jippersisti jekk ma jkunx hemm is-sejbien tal-paċi. “Nifhem ir-rabja u dak li qed jintqal anke mill-mexxejja ta’ dawn iż-żewġ popli. Għax dan huwa mument ta’ prova enormi. Huwa appuntament mad-destin.
Saħaq li huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jaħdmu flimkien fejn it-twettiq ta’ waqfien tal-attakki vjolenti u orizzont politiku ġenwin. Tenna li apparti milli l-partijiet interessati immedjati nfushom għandhom rwol kbir x’jilagħbu l-pajjiżi jew ir-reġjuni ġirien.
“Meta tara x’ingħad mill-pajjiżi ġirien tinduna li għandhom huma wkoll rwol x’jilagħbu. Irridu nitkellmu fuq il-paċi u l-istabbilita f’dan ir-reġjun. Mhux biss mal-partijiet infushom imma anke mal-ġirien tagħhom. Hemm ħafna xogħol għaddej fuq livell tal-UE.”
“Żgur li kulħadd ta’ rieda tajba għandu kull interess li insaħħu l-iżvilupp lejn prospett ta’ taħditiet bejn il-partijiet interessati. Nemmen li kulħadd f’pajjiżna qalbu tingħasar meta jara dawk ix-xeni ta’ dmija. Nittama li jkun hemm sforz mill-komunità internazzjonali biex mhux biss jieqfu l-imwiet, mhux biss li jkun hemm waqfien ta’ dmija u terġa’ tirrenja mument fejn il-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu djalogu ma’ xulxin, imma jiġu indirizzati r-raġunijiet għaliex dawn l-attakki, din il-vjolenza kollha, kull darba terġa’ tfeġġ f’dan ir-reġjun.”
“Noħlom fil-ġurnata li nkunu nistgħu ngħidu li bħalma ġara postijiet oħra, dawk il-ġenerazzjonijiet ta’ dmija u kunflitt jistgħu jiġu fil-passat u l-popli tant ta’ rispett tal-Iżrael u tal-Palestina jkunu jistgħu jgħixu flimkien f’din iż-żona, f’dan ir-reġjun tant importanti fuq ix-xenarju dinji,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.