Wednesday, December 25, 2024

“Bil-persistenza, xogħol kontinwu u ħafna dedikazzjoni tasal żgur”

Brian McFadden

Aqra wkoll

Brian McFadden twieled fit-12 t’April 1980 u llum il-ġurnata għandu 42 sena. Hu kantant u preżentatur fuq it-televixin mill-Irlanda li l-fama tiegħu kisibha fl-1998 meta kien wieħed mill-membri tal-boy band Westlife. Wara li hu telaq minn dan il-grupp fis-sena 2004, McFadden ħareġ solo album bl-isem ta’ Irish Son. Minn dakinhar ‘l hawn kompla jimraħ sew fix-xena mużikali tant li ħareġ erba’ studio albums oħra fosthom Set in Stone, Wall of Soundz, The Irish Connection u Otis. 

Ftit tal-ġimgħat ilu, McFadden kien f’Malta sabiex jieħu sehem f’edizzjoni oħra tal-Beland Music Festival 2022. Fil-fatt kienu l-istess Beland li ġabu lil dan il-kantant f’avveniment li sar bejn id-9 u t-12 ta’ Diċembru. F’erbat iljieli mill-isbaħ kien hemm atmosfera tal-Milied mill-isbaħ iżda ħafna u ħafna mużika fejn fost l-oħrajn kien hemm gruppi u kantanti bħal The Travellers, Ira Losco, Drakard, Brooke, Kevin Borg, Maria Daniela Camilleri, Claudia Faniello u Ryan Hili flimkien mal-banda Beland. 

Talk.mt ltaqa’ ma’ McFadden fejn saqsih xi mistoqsijiet dwar il-karriera tiegħu.

L-ewwel mistoqsija kienet waħda naturali. Kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-mużika?

“Jien twelidt ġo familja f’Dublin li kienet kattolika ferventi. Sa minn meta kont għadni żgħir dejjem kont ninteressa ruħi fil-mużika. Kont inkanta, niżfen u anke nilgħab il-futbol.”

“Oħti Susan ukoll kellha interess partikolari lejn il-mużika. Fil-fatt konna attendejna l-kulleġġ Barry Stage f’Dublin fejn konna nitħarrġu fit-teknika fuq il-palk u kif nidhru fuq it-televiżjoni.”

Aktar tard fl-1998, Mac Fadden bħala żagħżugħ ried jifforma l-grupp mużikali tiegħu u kien ħareġ bl-isem ta’ Cartel. Kien grupp li jispeċjalizza fl-R & B u miegħu kellu sħabu Tim u Darragh li bħalu kienu ffissati fuq dan il-ġeneru ta’ mużika. Huma kienu jagħmlu live gigs f’pub f’Dublin. Kienet xena normali li f’pub Irlandiż ikun hemm xi ħadd ikanta u ieħor bil-kitarra jakkumpanjah.

Il-grupp ried jevolvi u McFadden kellem lill-manager Irlandiż Louis Walsh sabiex jieħu f’idejh ħafna mill-pubbliċita’. Aktar tard twieled il-grupp Westlife u l-istorja kulħadd jafha.

Saqsejna lil McFadden dwar l-esperjenza tiegħu mal-grupp Westlife

“Insomma hi storja ferm twila biex nirrakkuntaha fi ftit ħin. Niftakar il-prova li attendejt sabiex nintgħażel ma’ dan il-grupp. Kont f’kompetizzjoni m a’ ieħor bl-siem ta’ Nicky Byrne. L-isbaħ ħaġa hu li t-tnejn li aħna ġejna magħżula u għalhekk ingħaqadna ma’ Kian Egan, Mark Feehily u Shane Filan. Konna kkollaborajna ma’ Simon Cowell, bniedem li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni u minn hemm il-fama tagħna splodiet. Kont għal qalbi wisq ma’ dan il-grupp!”

Hu semma xi siltiet li kienu tant popolari mas-semmiegħa tar-radju u naturalment mas-segwaċi ta’ dan il-grupp fosthom Uptown Girl u Swear it Again.

McFadden semma’ wkoll il-mument meta kiteb il-kanzunetta If My World Stopped Turning u li ġiet kantata minn Chris Doran fil-Eurovision Song Contest tas-sena 2004 għall-Irlanda.

Hu qalilna wkoll li wieħed mill-mumenti li jibqa’ jiftakar kien meta kkolabora mal-kantant rinomat Ronan Keating waqt l-UK Fires Tour tas-sena 2013.

Iżda kif bdiet il-ħbiberija ma’ Keith Duffy, li bħalu wkoll kien Malta u kif ġie iffurmat il-grupp Boyzlife?

“Il-ħbiberija ma’ Keith Duffy kienet ilha sa minn meta konna għadna żgħażagħ tas-snin disgħin u elfejn. Aħna konna parti mill-grupp Boyzone u Westlife u għalhekk kienet xi ħaġa naturali li l-grupp insemmuh Boyzlife.”

“Fi Frar 2020, Keith kien stieden lil John Junior fuq il-palk sabiex idoqq magħna waqt tour partikolari. Dan kien attivist sabiex titħares is-saħħa mentali, xi ħaġa li Keith kellu wisq għal qalbu. Junior jivjaġġa madwar ir-Renju Unit u jagħmel taħdit dwar dan is-suġġett li sfortunatament għadu taboo f’ċerti bliet. Kien mument ferm emozzjonanti. Dan kollu qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 li kif nafu ġabet ħafna affarijiet negattivi magħha, anke f’dan il-qasam.”

Brian McFadden

U appuntu saqsejna lil Brian McFadden dwar il-perjodu tal-COVID-19 u kif l-industrija mużikali kienet batiet speċjalment għax kantanti, mużiċisti u produtturi kellhom jieqfu ħesrem mill-ħidma tagħhom.

“Bla dubju li l-pandemija tal-COVID-19 għamlet l-affarijiet ferm diffiċli għalina. Ħafna artisti, kantanti, mużiċisti u produtturi li kienu għadhom jibdew qatgħu qalbhom u ddeċidew li jaqbdu triq oħra fejn għallinqas jistgħu jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Kienet ħasra li ħafna kantanti intilfu hekk.”

“Madankollu fuq nota oħra, forsi l-pandemija tatna ċ-ċans inkunu aktar innovattivi, forsi wkoll oriġinali hekk kif diversi żgħażagħ marru fuq l-internet speċjalment il-pjattaforma YouTube fejn bdew joħorġu tipi ta’ mużika u eventwalment juruha lid-dinja.”

McFadden qal li fejn għandu x’jaqsam teknoloġija, illum saret iktar faċli sabiex kantant jiġi nnutat. Hu xtaq li kieku fi żmienu kien hawn dan kollu iżda xorta waħda ma jiċħadx li s-snin disgħin kienu affaxxinanti għalih. 

“Illum bniedem jiġi nnutat mill-midja soċjali u minn hemm kapaċi jaqbad u jagħmel kuntratt professjonali. Anke jekk ikollok mobile phone biżżejjed sabiex tagħmel dak li tixtieq. Dan kollu evolva għall-aħjar żgur għalkemm żmieni kien affaxxinanti wkoll irrid ngħid.”

McFadden qal li kien qed iżur Malta għall-ewwel darba u baqa’ impressjonat b’dak li ra. Għoġbu b’mod partikolari t-temp sajfi fejn fiż-żmien meta kien hawn kienet xemx tiżreġ bit-temp li kien ferm sabiħ. Hu qal li din il-klima Mediterranja tikkuntrasta sew mat-temp li preżentement hemm f’Dublin għax il-kesħa u t-temperaturi baxxi jinħassu sew.

Finalment tlabna lil Brian McFadden sabiex iwassal messaġġ lit-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fix-xena mużikali

“Jien dejjem inħeġġiġhom sabiex jaqbdu xi strument mużikali bħal kitarra, pjanu, flawt, drums jew inkella trumbetta. Jekk forsi ma jinqalgħux għal xi strument, jistgħu jmorru għall-kant li wkoll jagħtik ħafna sodisfazzjon. Fuq kollox importanti li bniedem joħlom għax minn dik il-ħolma kapaċi ssir realta’.”

“Nemmen ukoll li jrid ikollok lil xi ħadd li jimbuttak sabiex tasal aktar ‘il quddiem. F’dan il-każ, jien kelli s-sostenn tal-familja tiegħi li qatt ma qagħdu lura sabiex iħallsuli lezzjonijiet privati tal-kant jew inkella jixtruli xi apparat li kelli bżonn.”

“Fl-aħħar nett qatt m’għandek taqta’ qalbek li tasal xi mkien. Bil-persistenza, xogħol kontinwu u ħafna dedikazzjoni wieħed jasal żgur.”

Ekonomija

Sport