Friday, December 13, 2024

“Bil-PL u b’Abela fil-Gvern, il-futur huwa wieħed sabiħ għall-poplu Malti” – Dr Damian Spiteri

Aqra wkoll

Dr Damian Spiteri Ph.D. huwa wiċċ ġdid fil-politika. Huwa twieled fis-6 ta’ Lulju 1958 f’San Ġiljan. Mar l-iskola ta’ San Alwiġi u attenda l-Università ta’ Malta fejn iggradwa b’Baċellerat fl-Istudji Soċjali u l-Psikoloġija fis-sena 1993, imbagħad kompla l-istudji tiegħu sakemm lesta d-Dottorat fis-sena 2007. Minbarra li għandu esperjenza fis-soċjal fid-Dipartiment tal-Edukazjoni u mal-Caritas, Dr Spiteri kien jgħallem is-Suġġetti Soċjali f’diversi skejjel madwar Malta.  Fis-sena 2010 mar jgħallem fl-Università ta’ Strathclyde fl-Iskozja u wara għallem għal sentejn sħaħ (2016-2018) fl-Università ta’ York fl-Ingilterra. Dr Spiteri huwa l-awtur ta’ diversi pubblikazzjonijiet u kotba fuq il-pedagoġija u l-multikulturaliżmu.

Minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?

“Ilni ngħallem iktar minn 25 sena, kif ukoll ipprattikajt il-professjoni tas-Social Work fl-edukazzjoni.  Wieħed mix-xogħlijiet li kelli kien li ngħin studenti li ma jmorrux l-iskola.  Kont nistaqsi x’inhi r-raġuni li ma marrux, u kont insib metodi kif nagħmlilhom kuraġġ u jkomplu bl-iskola.  Inħossni kburi ngħid li ħafna minn dawn l-istudenti għadhom ħbieb tiegħi u għadhom jieqfu jkellmuni sal-lum il-ġurnata.

Din kienet tarġa importanti biex nibda naħseb fuq skala politika. Mill-ispettru politiku nħoss li jkolli iktar għodda biex ngħin lin-nies fl-oqsma li nipprattika fihom jien, dawk tal-edukazzjoni u l-ħidma soċjali.  L-isfond professjonali tiegħi esponieni għal esperjenzi li nixtieq nutilizzahom.  Il-politika ttini dik l-opportunità biex niffaċilità l-ħajja tan-nies żvantaġġjati f’dawn l-oqsma.”

X’inhu s-sigriet biex Damian jirnexxilu jagħmel dan kollu u jsib ħin għal kollox?

“Djarju elettroniku l-aħjar, bħal dak ta’ fuq il-mobile.  Trid tkun dixxiplinat fuqek innifsek u żżomm quddiem għajnejk li l-ġurnata fiha 24 siegħa.  Ikolli nistqarr imma li f’dawn il-ġranet nispiċċa nieħu mill-ħin tiegħi ukoll, anke dak tal-ikel u tal-irqad.

It-teknoloġija għenet ħafna wkoll biex nimla iktar l-itinerarju tal-ġurnata.  Hija grazzja minn Alla li jeżistu l-online meetings.  B’hekk niffranka ħafna ħin nivvjaġġa u fl-istess ħin nista’ nagħmel iktar affarijiet fil-ġurnata.”

Skont Damian, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits?

“Frankament l-ikbar uġigħ ta’ ras li qed ikollhom in-nies bħalissa hija l-gwerra fl-Ukrajna, u b’dan ninsab impressjonat jien ukoll, bis-sensittività tal-poplu tagħna.  Madanakollu, nixtieq ninkludi r-ringrazzjamenti li nirċievi mingħand il-pensjonanti.  Insib min jgħidli li m’għandux ilsien biex jirringrazzja lill-Partit Laburista taż-żidiet fil-pensjonijiet li qed ikollhom dawn in-nies.”

Tlabna lil Dr Spiteri jispjegalna kemm għadu validu t-twemmin politiku li jenfasizza ħafna fuq il-prinċipji Soċjalisti li għadu jħaddan il-Partit Laburista

“Bil-prinċipju tal-ekwità, jiġifieri li kulħadd ikollu l-istess ċans għal ħajja sodisfaċenti bbażata fuq il-pedamenti tal-edukazzjoni sħiħa u finalment impjieg dinjituż, biżżejjed biex tinduna li l-prinċipji Soċjalisti għadhom validi sal-lum. Dawn il-prinċipji huma parti mill-filosofija ta’ dan il-Partit biss.”

Jekk Damian jingħata l-fiduċja, x’timbru jixtieq iħalli bħala Membru Parlamentari?

“Nixtieq naqbad il-barri minn qrunu fil-qasam tal-edukazzjoni.  Jien kemm-il darba kont inkarigat fit-tifsil ta’ programmi edukattivi fl-MCAST u anke f’Universitajiet barranin.  Fil-qafas koedukattiv li nipprattikaw illum hemm aspett li s-subien jimmaturaw tard, ikkomparat mal-bniet.  Dan l-aspett ftit nagħtu kasu.  Għaldaqstant inħoss li hemm bżonn ta’ tibdil fis-sistema edukattiva wara dak li tgħallimna mill-passat fejn studenti wara l-età ta’ 18-il sena jispiċċaw jaqtgħu qalbhom mill-eżamijiet tal-livell ordinarju. Huwa fatt li xi studenti, speċjalment dawk subien jimmaturaw ftit wara.  Huwa importanti li dawn jibqgħu jieħdu tagħlim ġenerali qabel jagħżlu suġġetti iktar speċifiċi u eventwalment ipoġġu għall-eżamijiet tagħhom. Dan jagħti ċans iktar lil dawk l-istudenti indeċiżi li jagħmlu l-għażla iktar bil-galbu.  Sal-lum qegħdin nitilfu ħafna studenti kmieni li ma jkomplux l-istudji għax għalqu ċertu età u daħlu fid-dinja tax-xogħol, xogħol li ma jkollhomx ħafna opportunitajiet li javvanzaw fih.”

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diġà għamel bosta riformi. Fis-snin li ġejjin, Damian, kif jara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded?

“Il-Partit Laburista wettaq sensiela ta’ riformi li laqat lill-poplu direttament. Ir-riżultati elettorali riċenti juruk dan bl-iktar mod ċar.  Inħoss li l-uniku mod kif il-Partit Laburista anke bħala gvern jibqa’ qrib il-poplu huwa li jkompli bl-analiżi demografiċi, għax bihom jista’ jindirizza problema minn kmieni. 

B’sorveljanza perjodika hemm ċans ikbar li tindirizza problema qabel ma din tiġi fuq skala ikbar. Għaldaqstant huwa importanti li nifhmu s-sors ta’ ċerti realtajiet soċjali, u minn hemm insibu l-għodda neċessarja biex nindirizzawha.  Tista’ tifhem il-problema billi jkollok informazzjoni biżżejjed miġbura u analizzata biex b’hekk tkun tista’ tantiċipa u tirranġa l-problema fl-istat bikri tagħha qabel ma ssir problema ikbar.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Damian, xtaq iwassal messaġġ finali lill-elettorat Malti u Għawdxi…

“Il-messaġġ huwa wieħed ta’ kuraġġ. Bil-Partit Laburista fil-Gvern u b’Robert Abela bħala Prim Ministru, il-futur huwa wieħed sabiħ għall-poplu Malti. Jien nitpaxxa nisma’ lill-Prim Ministru jitkellem u jwiegħed pensjonijiet ogħla, u ħajja pensjonanta aħjar minn dik ta’ qabel. Nieħu gost nisma’ wegħdi elettorali li jiffavorixxu lin-nies. U fuq kollox nista’ nserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi li kull wegħda ser tkun qed tiġi mwettqa!”

Ekonomija

Sport