Wednesday, December 25, 2024

BILANĊ

Aqra wkoll

Qed isiru tħejjijiet biex jitħaffu r-regoli Ewropej li bihom id-ditti, speċjalment dawk żgħar, joħorġu sejħa ħalli l-pubbliku jixtri ishma fl-azjendi tagħhom li joffru għall-bejgħ. Fl-Ewropa dil-ħaġa tiġri ħafna anqas milli ssir fis-swieq kapitali tal-Istati uniti, tar-Renju Unit u tal-Asja. Tpoġġi lill-Unjoni fi żvantaġġ quddiem il-ħtieġa li jiġu mobilizzati fondi għal aktar investiment.

Jintqal li l-problema hi li r-regolamentazzjoni Ewropea dwar dil-ħaġa hi tqila wisq. Tiskoraġġixxi lill-impriżi ż-żgħar milli jikkonvertu d-ditta tagħhom f’waħda finanzjata bl-ishma mibjugħa lill-publiku. Imma mhux kulħadd jaqbel li r-regoli għandhom jitħaffu wisq, għax jisħqu fuq il-ħtieġa li investituri prospettivi jingħataw protezzjoni sħiħa.

Għandhom punt. Min-naħa l-oħra lanqas trid iddaħħal “protezzjoni” tant qawwija li l-investituri ma jsibux fhiex jinvestu.

Bħal f’kollox, irid jinżamm bilanċ bejn l-esiġenzi kontrastanti. Mhijiex ħaġa faċli kif qed niskopri, peress li għall-Parlament Ewropew qed nipprova nasal għal dal-bilanċ fil-verżjoni tal-liġi dwar hekk li għaddejja mill-Parlament.

L-IPPJANAR

Ma nifhimx tajjeb għaliex għal uħud, l-idea ta’ ippjanar hi xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Jgħidulek: L-affarijiet trid teħodhom skont kif jiġru waqt li tibqa’ dejjem attent biex tirkeb fuq kull oppportunità li tinqala’ u tilqa’ minn qabel għal kull theddida.

Bħallikieku min jaħdem skont pjan mhux hekk ikun qed jagħmel. Anzi, it-tħejjija ta’ pjan tagħtih ħila akbar biex iwettaq dak li għandu jsir.

Pjan ma jfissirx ħidma riġida li tinstaram jekk il-previżjonijiet li tkun ibbażata fuqhom jisfaxxaw. Bil-maqlub, jipprovdi riga li biha tista’ tkejjel kif qed jinbidlu ċ-ċirkostanzi. Jindika xinhuma l-għodod u l-linji ta’ tmexxija li jinsabu għal-lest skont x’jinqala. Jagħti wkoll sens ta’ direzzjoni għax inkella, l-impressjoni li tqum kemm minn ġewwa u kemm għal barra tispiċċa li l-ġifen jinsab miexi lejn fejn jieħdu r-riħ.

KONKOS

Lil hin minn kull kunsiderazzjoni stupida partiġġjana, l-informazzjoni dwar ix-xogħol ħażin li sar fit-tqegħid tal-konkos għall-binja tal-anzjani b’Bormla hi inkwetanti. Tingħaqad ma’ informazzjoni simili dwar xogħlijiet oħra kbar tal-gvern fl-aħħar deċennji. Ikun għaqli li tiġi investigata għax is-suspett iqum li fin-nofs hemm maniġġ sistemiku.

Minn naħa, proġetti qed jinħadmu – tgħid apposta? – b’konkos ta’ kwalità inferjuri. Min-naħa l-oħra, min suppost qiegħed jissorvelja li x-xogħol qed isir kif suppost, qed ifalli fi dmirijietu. B’riżultat ta’ dan barra milli jitberbqu bil-kbir flus il-poplu, jispiċċa jiġi affettwat ħażin il-welfare ta’ ħafna ċittadini.

Ma nafx min ivvinta li inkjesta bħal din għandha ssir mill-ministeru għall-anzjani. Ovvja li mhijiex ħobż għal snienu imma hi responsabbiltà ta’ qiegħed hemm biex iħares flus il-poplu.

Ekonomija

Sport