Sunday, September 21, 2025

BILANĊ BEJN TKABBIR, ĠUSTIZZJA SOĊJALI U SOSTENIBBILTÀ

Aqra wkoll

Id-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026 joffri opportunità biex nistudjaw il-kors tal-politika ekonomika u soċjali f’Malta filwaqt li nħarsu lejn l-isfidi li qegħdin jolqtu lil pajjiżna. Il-Gvern jikkonferma li l-iktar rata għolja tat-taxxa se tibqa’ 35% u li s-sussidji tal-enerġija li kienu ta’ appoġġ kbir kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji, se jibqgħu protetti. Dawn huma miżuri li jipprovdu stabbiltà immedjata filwaqt li jnaqqsu l-impatt tal-kriżijiet globali fuqna.

Barra minnhekk id-dokument jintroduċi miżuri soċjali ġodda li jikkonċernaw leave għall-ġenituri, inkluż leave għal missirijiet, leave għal caregivers u leave għal każijiet ta’ miscarriage, kollha b’paga sħiħa. Dawn il-miżuri huma sinjal ċar li l-Gvern qiegħed jindirizza b’mod attiv il-ħtiġijiet reali tal-familji u tal-ħaddiema tagħna fejn jipprovdi mezz biex il-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali jkun realistiku u sostenibbli.

Min-naħa tagħhom l-imsieħba soċjali qegħdin jitolbu riformi strateġiċi fit-tul li jfasslu sistema ġusta u sostenibbli għal kulħadd. Dan jinkludi riforma fil-pensjonijiet biex l-anzjani jkollhom għajxien dinjituża, politika tal-kera li tħaffef l-aċċess għall-abitazzjoni u investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema ħalli jkunu indirizzati b’mod effettiv il-bżonnijiet tal-industrija u jsaħħu l-kompetittività ekonomika.

Il-bilanċ bejn il-politika immedjata tal-Gvern u l-proposti tal-imsieħba soċjali juri li Malta qiegħda tmur fid-direzzjoni t-tajba iżda wieħed irid jirrikonoxxi li għad hemm sfidi ekonomiċi u demografiċi li jeħtieġu attenzjoni. Nemmnu li djalogu kontinwu u effettiv bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali huwa essenzjali biex jintlaħqu miri ta’ sostenibbiltà u ġustizzja soċjali mingħajr ma jintilef il-progress ekonomiku li ksibna fl-aħħar snin.

Meta wieħed iqabbel id-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026 ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, naraw kif Malta qiegħda tieħu passi strateġiċi biex tippromwovi aċċess għall-impjiegi u servizzi soċjali filwaqt li xi pajjiżi oħra qegħdin jiffokaw fuq awsterità u kontroll strett tal-ispejjeż. Din il-viżjoni ta’ Malta – fejn il-poplu u l-ħaddiema huma fil-qalba tal-politika – tpoġġina bħala eżempju ta’ politika ekonomika inklużiva u sostenibbli.

Il-futur ta’ Malta jiddependi fuq il-kapaċità li tgħaqqad tkabbir b’saħħtu mal-ġustizzja soċjali. Nemmnu li kull deċiżjoni dwar il-Budget trid tkun strument li mhux biss tiġġenera tkabbir ekonomiku, iżda wkoll tipproteġi lill-ħaddiema, tappoġġja lill-familji u tinvesti fil-ġenerazzjonijiet futuri. Id-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026 għandu rwol ċentrali bħala messaġġ ċar: Malta qiegħda timxi b’mod sostenibbli u inklużiv, fejn politika ekonomika u soċjali jkomplu jaħdmu flimkien biex jinħolqu opportunitajiet ġodda u ġustizzja għal kulħadd.

Fil-qalba ta’ dan kollu hemm il-prinċipju essenzjali ta’ ekonomija li tikber u soċjetà li tibqa’ ġusta. Finalment nemmnu, li dan huwa l-investiment l-iktar strateġiku li nistgħu nagħmlu fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin u l-Budget li jmiss fis-27 ta’ Ottubru għandu jikkonferma dan b’mod ċar u kredibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport