Saturday, May 4, 2024

“Bilanċ ġust bejn il-kisba tal-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali tal-individwu”

Il-Ministru Jonathan Attard jisħaq li l-emendi mhumiex se jfissru li se jgħaddi kollox

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-ġustizzja kriminali hija u tibqa’ dejjem punittiva, però m’għandha tkun qatt oppressiva jew li toħloq inġustizzja hi stess.” Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta ma’ emendi li jolqtu numru ta’ liġijiet li jitrattaw reati ekonomiċi bħal ħasil ta’ flus, Servizzi u Swieq Finanzjarji u qed joħolqu proċedura uniformi rigward ordnijiet ta’ Sekwestri, Iffriżar u Konfiska.

“Naf persuni li kkontemplaw suwiċidju, oħrajn li kissru l-familja jew spiċċaw jittalbu bi ħniena biex iħallsu spejjeż mhux previsti li jkunu ġew fuqhom, bħal pereżempju jixtru wheelchair lil binhom. Dik mhux ġustizzja … dik oppressjoni u kattiverja”, saħaq il-Ministru.

Il-Ministru Attard qal li dwar dan is-suġġett tal-attachment, freezing u eventwali konfiska ilhom isiru appelli biex biex jiġu mħarsa dawn il-liġijiet għax dawn kienu qed joħolqu piż spropozjonat fuq persuna suspettata jew imputata.

Filwaqt li kompla biex jispjega x’wassal għal dawn l-emendi l-Ministru Attard qal li t-tluq tal-emendi jsib l-bażi tiegħu f’diversi sentenzi, inkluż il-Qorti Kostituzzjonali u anke dik kriminali, magħdud mal-esperjenzi ta’ dawn l-aħħar snin li wriet li l-liġi qed toħloq sproporzjonalità u żbilanċ bejn it-tfittxija u l-kisba tal-ġustizzja u d-drittjiet tal-imputat.

Attard rrefera għall-Avukat Franco Debono li fil-kawża kostituzzjonali “Marvin Debono vs Avukat tal-Istat” sostna illi għal-leġislatur fl- 1994 l-ammont ta’ Eur 13,976 fis-sena kien meqjus suffiċjenti sabiex tgħix ħajja xierqa iżda 28 sena wara l-ammont baqa’ l-istess.

Filwaqt li kompla bid-diskors tiegħu, il-Ministru kien ċar li min jgħid jew jagħti l-impressjoni li qabel ma kienx hawn dawn it-tip ta’ reati jista’ jmur iqatta’ ġimgħa jgħix Disneyland imma r-realtà hija li fl-aħħar tliet snin kien hawn ’il fuq minn 100 każ marbut mal-ħasil tal-flus.

Attard kompla biex jirrikonoxxi diskussjonijiet li kellu man-naħa l-oħra tal-Kamra fosthom id-deputat tal-PN Joe Giglio fejn setgħu jiġu ċċarati wkoll id-dispożizzjonijiet li hemm fil-kodiċi kriminali marbuta ma’ dawn l-ordnijiet. Minn naħa l-oħra huwa rrefera għal stqarrija tal-PN li qal li jirrikonoxxi li hemm bżonn bidla iżda li se jkun qiegħed jivvota kontra u li għalih din hija konferma oħra ta’ konfużjoni.

Il-Ministru kien ċar li hija gidba l-perċezzjoni li għall-gvern se jibda jgħaddi kollox u li kull reat se jibqa’ reat, inkluż dak marbuta ma’ korruzzjoni u li kull piena stabbilità se tibqa’ l-istess.

Huwa qal li l-għan għandu jkun li l-Pulizija, l-Awtoritajiet Investigattivi u eventwalment il-prosekuzzjoni għandhom fi żmien sena tal-anqas jistabilixxu kemm kien ir-rikavat mill-kriminalità u x’propjetà għandha tkun suġġetta għal ordni ta’ ffrizar.

L-emendi qegħdin jagħtu ukoll s-setgħa lill-qorti li tvarja l-ordnijiet ta’ sekwestru u l-ordnijiet ta’ ffriżar, fuq talba tal-Imputat jew tal-Prosekutur.

L-emendi jipprovdu wkoll il-possibbiltà ta’ żieda fl-ammont li jkun jista’ jiġi rilaxxat lill-imputat għall-għejxien tiegħu u tal-familja waqt li l-kawża tkun pendenti.

“Rajna li ma jkunx ġust li dawk li jiddependu mill-imputat, u ħafna drabi huma innoċenti, jgħaddu minn martirju sħiħ”, kompla l-Ministru filwaqt li aċċenna wkoll għal negozji li spiċċaw ifallu, bil-konsegwenzi kollha li ġġib mhux biss fuq l-individwu imma anke fuq il-ħaddiema u l-familjari.

Il-liġi attwali se tibqa’ applikabbli għal każijiet li jkunu bdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi, sakemm l-imputat ma jagħmilx rikors biex ikunu applikati l-proċeduri l-ġodda.

F’dak il-każ tkun il-qorti stess li tiddetermina l-modalità tat-tranżizzjoni.
Attard kompla biex isostni li dan l-abbozz huwa r-riżultat ta’ ħidma intensiva, komprensiva u għaqlija li se twassal għal liġi li b’mod sod tissalvagwardja l-ordni pubbliku fil-kuntest tar-rispett lejn id-drittijiet fundamentali li huwa dejjem meħtieġ f’soċjetà demokratika.

“Irridu naħdmu għal soċjetà fejn kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni jkun kontabbli ta’ għemilu, imma rridu naħdmu wkoll għal soċjetà ġusta, li tassigura li l-liġijiet tagħha ma jirrovinawx lin-nies mingħajr ma jkun hemm rispett lejn id-drittijiet fundamentali u ġustifikazzjoni oġġettiva għall-miżuri li jittieħdu”, temm Attard.

Sport