Monday, December 23, 2024

“Billi tgergru biss mhux biżżejjed”

Grech jappella lin-nies biex jibdew jikkonvinċu ruħhom li l-PN jista' jkun gvern aħjar

Aqra wkoll

F’intervista l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, sostna li s-soluzzjonijiet għal pajjiżna fejn jidħlu fost l-oħrajn l-għoli tal-ħajja, il-ħarsien tal-ambjent u ż-żieda fil-popolazzjoni, huma responsabbiltà ta’ kulħadd. Kien għalhekk li talab għal koalizzjoni tan-nies, l-għaqdiet, l-organizzazzjonijiet u l-imsieħba soċjali mal-PN għax skont kliemu, “flimkien nistgħu ndawru r-rotta u nsalvaw l-ambjent ta’ pajjiżna, il-wirt u l-identità tagħna. Tajna s-soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja. Nistieden biex inkomplu nikkonvinċukom bil-fatti. Imma għandna bżonnkom. Billi tgergru biss mhux biżżejjed. Tridu tibdew mil-lum biex b’konvinżjoni tgħidu li l-PN qiegħed jikkkonvinċina li jista’ jkun gvern aħjar għal pajjiżi, għalija u għal uliedi”. 

Filwaqt li ħa l-opportunità biex ifakkar fil-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li għaddej biha l-partit, Bernard Grech emozzjat u ton patrijottiku wissa li l-popolazzjoni f’pajjiżna se tkun f’minoranza u dan b’periklu għall-identità u l-lingwa tagħna. Huwa kkwota l-istatistika riċenti li sal-2040, il-popolazzjoni ta’ Malta tista’ tlaħħaq il-800,000. Hawn qal li minħabba li r-rata tat-twelid f’Malta hija baxxa, “dan ifisser li dawk it-800,000 se nżiduhom bil-barranin biss. Irridu li pajjiżna 20 sena oħra nkunu f’minoranza? Irriduha? Hija tajba? Hija ħażina? Il-lingwa Maltija se nitilfuha. Qiegħed niftaħ l-għajnejn. Ilna nosservaw għax il-PN huwa partit serju. Irriċerkajna u ilna ngħiduh dan id-diskors. Qabel l-elezzjoni l-oħra għidna li hemm bżonn imorru għal mudell ekonomiku ġdid ta’ kwalità b’pilastri ekonomiċi tajbin mingħajr ma neqirdu l-ambjent u li m’għandekx bżonn daqshekk ħaddiema barranin”.

Grech insista li hemm bżonn ta’ mudell ekonomiku sostenibbli fejn żied li, “dawn l-aħħar snin il-Gvern ġab aktar nies. Li tkabbar il-popolazzjoni hija tajba imma mhux b’dawn l-ammonti kbar”. Filwaqt li ħa ħsieb jiddikjara li m’għandu xejn kontra l-ħaddiema barranin, il-Kap tal-Oppożizzjoni ammetta li huwa minnu li bil-mudell ekonomiku preżenti, l-ekonomija lokali kibret.

Fl-intervent Grech qal li bħala partit, il-Partit Nazzjonalista għandu soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja. Min-naħa tiegħu sostna li issa m’għadux iż-żmien li naraw kif u minn fejn ġiet l-inflazzjoni bħalma fuq livell globali ħadna daqqa bil-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, fil-kontinent tagħna. 

Mingħajr ma semma’ l-miżuri li qegħdin jittieħdu l-ħin kollu biex il-familji Malti u Għawdxin ma jaqgħux taħt il-morsa tal-għoli tal-ħajja kif ukoll il-piżijiet kbar li qiegħed iġorr il-Gvern Laburista ħalli l-inflazzjoni tkun ikkontrollata, Grech elenka l-proposti tal-PN għal din l-isfida fosthom li ma tkunx intaxxata l-COLA, li jsir fond ta’ eluf ta’ Ewro bħala għajnuniet oħra. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wkoll tefa’ parti mill-meritu tas-suċċess tal-atleti Malti fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar fejn qal li kien il-PN li “welled” l-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Fuq dan is-suġġett, almenu, Bernard Grech irrikonoxxa l-isforzi tal-Gvern preżenti bil-kliem “huwa sabiħ li nkomplu ninvestu fl-isports u fl-infrastruttura biex l-atleti jkollhom fejn jitħarrġu u jsiru attivitajieet bħal dawn”.

Ekonomija

Sport