Saturday, December 21, 2024

BINI TAL-FABRIKI

Aqra wkoll

Fl-imgħoddi, l-għoti, il-bini, il-kera tal-fabriki u l-amministrazzjoni tal-estates industrijali kienu kollha jaqgħu taħt enti waħda: il-Korporazzjoni Maltija tal-Iżvilupp (MDC) li wara saret  Malta Enterprise. Imbagħad ġie deċiż li dan ix-xogħol jinqasam. Wara li jiġi deċiż li proġett jistħoqqlu “jingħata” fabrika, dil-ħidma titpoġġa taħt aġenzija oħra.

Qatt ma fhimt x’kien l-interess tal-bidla. Wara kollox, l-operat tal-fabrika kien se jkun parti waħda mill-proġett li ġie approvat. Min approvah se jkollu suppost kull interess li jibqa’ jsus biex jara li l-kondizzjonijiet marbuta miegħu qed jiġu rispettati.

Veru, ilu kien hemm żmien meta l-MDC ġiet mixlija li saret qisha dipartiment tax-xogħlijiet publiċi bil-ħidma tagħha fil-bini u fit-tmexxija tal-fabriki. Imma aħjar hekk minn funzjonijiet u poteri spezzettati.

Malta Enterprise għandha tiffunzjona minn fuq sa isfel bħala “one stop shop” b’kompetenza serja biex tagħraf fejn għandha tgħid le u fejn għandha timponi kondizzjonijiet fuq investituri prospettivi waqt li tiżgura li tassew qed jiġu segwiti.

L-ISTESS ŻARBUN

Jibqa’ l-ilment minn diversi pajjiżi u mhux Malta biss: Fit-tħejjija u t-twettiq tal-politika Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea (u magħha xi stati membri) tara kif iddaħħal  miżuri li japplikaw bl-istess mod għal kulħadd. Dan jissejjaħ il-metodu tal-“one-size-fits-all” — żarbun tal-istess daqs għal kulħadd.

Dejjem ikkritikajt din il-proċedura. Inqis li toħloq problemi kbar għal pajjiż ċkejken bħal tagħna meta jitgħabba b’liġijiet imfassla għal pajiż bħall-Ġermanja, ngħidu aħna.

Imma issa, ejja nsemmu punt favur il-proċedura. Kif tista’ toħlom li toħloq suq kontinentali Ewropew wieħed bla ma jkun hemm l-istess regoli għal kulħadd? It-tweġiba li tista’ tingħata, għalkemm faċli, ma tantx tiswa: Toħlom xejn.

IL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI

Ursula von der Leyen qed taspira għat-tieni mandat bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Din id-darba se tkun l-ispitzen kandidat tal-Partit tal-Popolari. Ħames snin ilu, bl-imbuttatura tal-President Franċiż Macron, twarrbet il-kandidatura ta’ Manfred Weber, kap tal-Popolari fil-Parlament Ewropew li dainhar kien hu l-ispitzen kandidat tal-Popolari.

Il-logħba hi waħda meskina, fejn kulħadd jara x’kariga jista’ jakkwista. Personalment lil von der Leyen rajtha dgħajfa u opportunista f’ħafna min dak li għamlet. Xejn ma jiġġustifika li jkollha mandat ieħor.

Biss iċ-ċansijiet tagħha li tiksbu huma tajba. Qagħdet attenta fl-aħħar ħames snin biex ma tnaffar lil ħadd, jew lil ħadd wisq. Il-Ġermanja x’aktarx ikollha tagħtiha appoġġ, Macron mistenni li jibqa’ jsostniha kif għamel għall-eweel mandat tagħha u l-Prim Ministru Ungeriż Orban x’aktarx li baqa’ sodisfatt bil-mod kif ħarġitu mill-sqaq li fih kien daħal pajjiżu bil-problemi li nqalgħu dwar is-saltna tad-dritt.

Ekonomija

Sport