Tuesday, December 24, 2024

BioNTech kunfidenti li l-vaċċin tagħha se jaħdem ukoll kontra l-varjant ġdid tal-Covid-19

Aqra wkoll

Il-kumpanija tal-farmaċewtika BioNTech hija kunfidenti li l-vaċċin tagħha kontra l-coronavirus se jkun effettiv ukoll kontra l-varjant ġdid tal-virus li ħareġ mir-Renju Unit. Madankollu l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija qal li jeħtieġ li jsiru aktar studji biex dan ikun assigurat.

Il-varjant tal-virus, li kien innotat prinċiparjament f’Londra u fix-Xlokk tal-Ingilterra matul dawn l-aħħar ġimgħat, qajjem tħassib madwar id-dinja minħabba li qed juri sinjali li jista’ jinfirex b’mod aktar mgħaġġel. Filwaqt li m’hemm l-ebda indikazzjoni li jista’ jikkaġuna mard aktar serju, numru ta’ pajjiżi, inkluż Malta, imponew restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar minn u lejn ir-Renju Unit.

“Attwalment ma nafux jekk il-vaċċin tagħha huwiex se jkun qed jipprovdi protezzjoni kontra l-varjant ġdid tal-virus,” saħaq Ugur Sahin f’konferenza tal-aħbarijiet. “Madankollu xjentifikament huwa maħsub li r-rispons immunitarju kkaġunat mill-vaċċin se jkun qed jilqa’ wkoll għal dan il-varjant.”

Sahin qal li proteini fil-varjant tar-Renju Unit huma 99% simili għall-ewwel verżjoni tal-virus u għaldaqstant BioNTech hija “xjentifikament kunfidenti” li l-vaċċin tagħha se jkun effettiv ukoll.

“Madankollu se nkunu f’pożizzjoni li nafu ladarba jsir l-esperiment, u se nkunu neħtieġu madwar ġimagħtejn biex ikollna l-informazzjoni meħtieġa,” huwa qal. “Il-probabbiltà li l-vaċċin tagħha jaħdem huwa relattivament għoli.”

Fl-istess waqt Ugur qal li f’każ li l-vaċċċin ikun jeħtieġ li jiġi aġġustat għall-varjant il-ġdid tal-virus, il-kumpanija tkun tista’ tagħmel dan fi żmien sitt ġimgħat.

Il-vaċċin ta’ BioNTech, li kien żviluppat flimkien mal-kumpanija tal-farmaċewtika Amerikana Pfizer, ġie awtorizzat f’aktar minn 45 pajjiż, fosthom fir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport