Friday, November 15, 2024

“Bir-riforma li għamilna se niġu konformi mal-Konvenzjoni Ewropea”

- il-Prim Ministru

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma stajniex nibqgħu siekta meta nafu li hemm realtà ta’ ommijiet li bdew jew setgħu jitħallew f’xifer il-mewt proprju għaliex kellek qafas leġiżlattiv li ma kienx jeżisti. Nemmen li bir-riforma li għamilna ninsabu konformi mal-Konvenzjoni Ewropea.”

Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela wara li aktar kmieni llum, il-Gvern ippreżenta emenda ġdida dwar l-Abbozz 28 li se tassigura li tkun imħarsa l-ħajja u s-saħħa tal-omm meta jirriżultaw kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala.

L-emenda proposta se tkun diskussa fl-istadju ta’ Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi fil-jiem li ġejjin wara li l-Abbozz kien għadda mill-istadju tat-Tieni Qari.

F’kummenti li ta lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li jinsab sodisfatt immens b’dan l-iżvilupp storiku leġiżlattiv, illi jikkonferma l-kuraġġ li kellu l-Gvern li sa mill-bidu nett qal li kien hemm il-ħtieġa ta’ riforma fil-liġijiet tagħna f’dan il-qasam biex tkun protetta l-ħajja tal-omm prospettiva.

Huwa nnota iżda b’dispjaċir li l-Oppożizzjoni għal darba oħra kienet fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru hekk kif kienet insistiet li ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ emenda leġiżlattiva għaliex fi kliemu “il-kumdità tal-istatus quo tikkuntentaha.”

Il-Prim Ministru nnota li llum, anke bil-kunsens li kien hemm ma’ firxa wiesgħa ta’ stakeholders, dan il-Gvern wera kemm kien importanti li kellu l-kuraġġ jressqu ‘l quddiem din l-emenda.

“Għalija ħadmet politika ta’ persważjoni. Tlaqna minn punt tat-tluq fejn kienet ċara l-intenzjoni tal-Gvern. Fhimna t-tħassib ta’ ċertu setturi tas-soċjetà . Fhimna x’kienet lesta taċċetta s-soċjetà f’dan il-mument. U għamilna proċess ta’ xhur ta’ djalogu kontinwu ma’ dawk kollha li kienu qajmu ċertu tħassib. Fhimna fejn kien il-punt ta’ konverġenza. Illum bl-emenda finali nifhem li tindirizza dak li ġie diskuss,” tenna Dr Abela li saħaq li għal darba oħra, il-Partit Laburista wera li mill-Gvern ukoll għandu l-kuraġġ jimxi ‘l quddiem bil-bidliet leġiżlattivi anke meta jkun ifisser li “qed jiskossja ċertu status quo.”

Ekonomija

Sport