Tingħaqad ma’ erba’ msieħba oħra tal-BirdLife fi proġett ġdid iffinanzjat mill-programm LIFE għall-konservazzjoni u l-ħarsien ta’ żewġ speċi endemiċi għall-Mediterran
Wara għexieren ta’ snin ta’ studji xjentifiċi bla waqfien dwar l-għasafar tal-baħar ta’ Malta, BirdLife Malta hija kburija li tista’ tħabbar li se tkompli bl-istudji xjentifiċi dawn l-għasafar kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar, hekk kif ingħata bidu għal proġett ġdid li daħlet għalih. Din se tkun kollaborazzjoni mifruxa mal-Mediterran għall-konservazzjoni ta’ żewġ speċi ta’ għasafar tal-baħar endemiċi għall-Mediterran li jinsabu taħt theddida: il-Garnija (Puffinus yelkouan) u l-Garnija Balearika (Puffinus mauretanicus).
Permezz tal-proġett ġdid ta’ €3.45 miljun LIFE PanPuffinus! BirdLife Malta ngħaqdet mal-imsieħba tal-BirdLife minn erba’ pajjiżi oħra (Franza, il-Greċja, il-Portugall u Spanja) biex taqsam l-għarfien u tinvestiga f’aktar dettall fejn jistgħu jinstabu dawn l-għasafar misterjużi, kif jaffettwahom is-sajd, u l-perikli li dawn il-vjaġġaturi tal-baħar jiffaċċjaw matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Fid-dawl ta’ dan BirdLife Malta tinsab kuntenta li f’dan il-proġett issieħbet ukoll mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura ta’ Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali. Il-Ministeru impenja ruħu li jikkofinanzja dan il-proġett.
Il-Garnija Balearika (Balearic Shearwater) hija klassifikata bħala fil-Periklu tal-Estinzjoni fuq ir-Red List tal-Ispeċi Taħt Theddida tal-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN), waqt li l-Garnija (Yelkouan Shearwater) hija klassifikata bħala Vulnerabbli. Iż-żewġ speċi huma suxxettibbli ħafna għat-tibdil fl-ambjent u huma affettwati minn diversi perikli kemm fil-baħar kif ukoll fuq l-art li jinkludu t-tniġġis, il-qbid aċċidentali tal-għasafar fl-apparat tas-sajd magħruf bħala bycatch, it-tibdil fil-klima u l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp. Fejn għadnu x’jaqsam mal-għasafar tal-baħar li jbejtu, speċi invażivi aljeni u t-tfixkil mill-bniedem huma l-perikli prinċipali għal dawn l-għasafar tal-baħar.
Waqt li l-Garnija Balearika hija speċi rari ħafna għall-Gżejjer Maltin, u tbejjet fil-Gżejjer Baleariċi u l-kosta tan-Nofsinhar ta’ Franza, il-Garnija tinstab biss fir-reġjun tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant, b’Malta tilqa’ popolazzjoni ta’ bejn wieħed u ieħor 1,600–1,800 par li jbejtu f’pajjiżna.
Iż-żewġ speċi jqattgħu parti kbira minn ħajjithom fuq il-baħar miftuħ, u rari li jżuru l-art ħlief tul l-istaġun tal-bejta. Minħabba f’dan jiltaqgħu ma’ diffikultajiet diversi. Għalkemm iż-żewġ speċi jbejtu esklussivament fil-Mediterran, bħal ħafna għasafar oħra tal-baħar jimirħu ’l barra lejn ibħra differenti, b’mod partikolari fil-perjodu meta ma jkunux fuq il-bejta. Il-Garnija Balearika żżur il-kosta tal-Portugall fuq l-Atlantiku, Franza u n-naħa t’isfel tal-Ingilterra waqt li ammonti kbar ta’ Garni jqattgħu x-xitwa fil-Baħar l-Iswed. Hu għalhekk li l-kollaborazzjoni tul il-fruntieri hija vitali, u l-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ msieħba huwa neċessarju biex l-ibħra u l-kolonji jkunu mħarsa minn kull periklu għal dawn l-għasafar tal-baħar ikoniċi.
Matul it-twettiq ta’ dan il-proġett mifrux fuq ħames snin (2021–2025), BirdLife Malta se tibni fuq l-għarfien li kisbet mit-tliet proġetti preċedenti ffinanzjati mill-programm LIFE tal-UE li permezz tagħhom studjat l-għasafar tal-baħar ta’ Malta, jiġifieri l-LIFE Yelkouan Shearwater Project (2006–2010), il-LIFE+ Malta Seabird Project (2011–2016), u l-aktar proġett riċenti LIFE Arċipelagu Garnija (2016–2020) li għadu kif intemm f’Settembru li għadda.
Apparti l-perikli li diġà ġew identifikati u indirizzati bis-saħħa ta’ dawn it-tliet proġetti bħalma huma t-tniġġis mid-dawl u mill-istorbju, it-tfixkil mill-bniedem fost l-oħrajn bit-turiżmu tal-baħar, u l-predazzjoni tal-bajd u l-frieħ minn speċi invażivi ta’ mammiferi bħall-firien, il-proġett il-ġdid se jindirizza wkoll problemi ġodda bħalma huwa l-plastik, li jistgħu jolqtu lil dawn iż-żewġ speċi ta’ għasafar tal-baħar fuq skala kbira fl-għexieren ta’ snin li ġejjin.
LIFE PanPuffinus! għandu l-għan li jtejjeb l-istat ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi li jinsabu fil-periklu madwar il-Baħar Mediterran u l-kosta tal-Atlantiku tal-Portugall permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-parteċipanti kollha fil-proġett sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar komuni li jiffaċċjaw: kemm dawk fuq l-art kif ukoll dawk fil-baħar. Fuq kollox, il-proġett se jservi bħala vetrina għal kollaborazzjoni unika bejn imsieħba differenti madwar il-Mediterran għall-konservazzjoni ta’ dawn iż-żewġ speċi ta’ għasafar tal-baħar.