Wednesday, July 24, 2024

“Melvin Thuema kellu kaxxa tal-ġelati b’rekordings”

Aqra wkoll

Illum se t-tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bl-allegat mandant tal-qtil Yorgen Fenech preżenti għas-seduta tal-lum, li mistennija tkun l-aħħar waħda tiegħu għal din is-sena.

Fl-aħħar sessjoni li żvolġiet nhar it-2 ta’ Diċembru li għadda, esperti tal-Europol taw ix-xhieda tagħhom dwar il-proċess involut biex tittieħed informazzjoni mill-mowbajl ta’ Fenech. Jirriżulta li l-informazzjoni mill-mowbajl ta’ Fenech ittieħdet f’Ottubru li għadda, bil-proċess idum madwar tlett ijiem biex jitlesta.

Agħfas hawn għall-aħħar aġġornamenti…

10.09: Fl-awla jaslu l-Ispettur Kurt Zahra u s-Supretendent Keith Arnaud. Preżenti hemm ukoll l-avukati għad-difiża Marion Camilleri, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran. Yorgen fenech huwa preżenti wkoll flimkien ma’ qraba tiegħu.

10.27: Se jkunu qed jagħtu x-xhieda tagħhom it-tliet psikjatri li evalwaw lil Melvin Thuema. Il-Qorti tordna lill-midja biex ma jippubblikawx ix-xhieda tagħhom.

10.29: Espert tal-Qorti fil-qasam tal-informatika, Alvin Cardona, jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu. Huwa jgħid li wħud mid-depożizjonijiet meħudin ta’ Melvin Thuema kellhom jiġu ċensurati u anke tneħħielhom l-awdjo. Huwa jesibixxi sitt DVDs.

10.38: Cardona jgħid li ma biddel xejn mill-parti viżiva tar-rekording, apparti li għatta l-ħalq f’partijiet fejn kien mitlub li jsir dan.

10.44: Jitilgħu jagħtu x-xhieda tagħhom żewġ traskritturi li jgħidu li għamlu t-traskrizzjonijiet ta’ tmien rekordings. Ir-rekordings kienu ngħaddewlhom f’pen drive.

10.51: Id-deputat reġistratur jalloka numru f’forma ta’ kodiċi lit-traskrizzjonijiet fil-preżenta tad-difiża u l-prosekuzzjoni. Dan biex il-partijiet involuti jkollhom l-istess numri ta’ referenza għad-dokumenti.

10.54: L-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher parte civile, jitlob lill-Qorti biex tordna lix-xhud biex jgħaddi kopja ta’ hard drive. Id-difiża toġġezzjona għat-talba ta’ Azzopardi. Il-qorti tirrifjuta t-talba ta’ Azzopardi.

11.01: Jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu s-Supretendent Keith Arnaud.

11.02: Huwa jiġi mistoqsi dwar is-sejbiex ta’ tejps ġodda f’Jannar u jitolbu jippreżentahom fil-Qorti. Arnaud jgħid li r-rekordings huma parti mill-injesta maġisterjali dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, liema investigazzjoni għadha għaddejja u għaldaqstant m’għandux l-awtorizzazzjoni li jesibihom.

11.03: Arnaud jgħid li r-rekordings huma fuq tagħmir li ma jinsabux fil-pussess ta’ Thuema.

11.05: Mercieca jitolbu mill-ġdid biex jesibixxi r-rekordings. Arnaud jtenni li sakemm ma jingħatax l-awtorizzazzjoni mill-maġistrat inkwerenti ma jistax jagħmel dan.

11.09: Arnaud jgħid li Thuema kellu kaxxa tal-ġelati b’rekordings. Mercieca jistaqsih jekk l-għaxar rekordings misjubin f’Jannar kinux relatati direttament mal-akkużi maħruġin fil-konfront ta’ Fenech. Arnaud iwieġeb li huma marbutin.

11.10: Mistqosi minn Mercieca, Arnaud jgħid li ma għamilx kopji tar-rekordings. Mercieca jistaqih jekk fir-rekordings tinstemax l-allegazzjoni li l-maħfra presidenzjali lil Melvin Theuma kinitx maqbula preċedentement.

11.17: Arnaud jgħid li jekk ma kienx sejjer żbaljat il-kwistjoni tal-maħfra presidenzjali rriżultat mis-sejba tal-kaxxa tal-ġelati bir-rekordings.

11.19: Arnaud jintalab mid-difiża biex jgħid l-ismijiet tal-persuni li qed jiġu investigati. Il-Qorti tipprojbixxi li l-ismijiet jiġu ppubblikati.

11.26: Arnaud jgħid li l-persuni li jissemmew fir-rekordings kienu interrogati fit-tul. L-Ispettur Kurt Zahra jintervjeni u jgħid li l-mistoqsijiet li qed isiru minn Mercieca kienu kontro-eżami meta ix-xhud intalab jixhed mid-difiża. Mercieca jiġi mċanfar mill-Qorti għal kumment li jgħaddi fil-konfront ta’ Zahra.

11.27: Mercieca jistaqsi lil Arnaud dwar meta l-aħħar li wieħed mill-persuni li jissemmew fir-rekordings kien ġie mitkellem. Arnaud jgħid li dan kien tmien ġimgħat ilu.

11.29: Arnaud jipprotesta dwar mistoqsijiet speċifiċi li qed isiru minn Mercieca minħabba li ma ntalabx jipprepara għalihom. Il-Qorti tilqa’ l-argument ta’ Arnaud.

11.38: Fenech jitlob biex jitħalla joħroġ għal ftit ħin barra mill-awla, bil-Qorti tilqa’ t-talba tiegħu.

11.41: Id-difiża tkompli tagħmel aktar mistoqsijiet dwar persuna li tissemma fir-rekordings. L-Ispettur Zahra jipprotesta u jgħid li l-mistoqsijiet qed imorru oltre l-mandat tas-seduta tal-lum.

11.45: Arnaud jiġi mistqosi dwar jekk huwiex se jkun qed jippreżenta r-rekordings tat-telefonati. Arnaud jgħid li ma jistax jippreżenta affarijiet li mhumiex fil-pussess tiegħu, u li ma jistax jixhed fuq affarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi sigrieti.

11.49: Arnaud jgħd li kien għamel użu minn ċerti rekordings ta’ telefonati f’interrogazzjoni għal total ta’ 20 minuta. Iżid jgħid li kien irritorna lura l-pen drive bir-rekording lill-persuna li kienet għadditielu.

11.51: L-avukat Mercieca jistaqsi lil Arnaud jekk kinux saru interċettazzjonijiet ta’ telefonati ta’ persuna partikolari. Arnaud jgħid li ma kellux x’jaqsam mal-interċettazzjonijiet tat-telefonati.

11.54: Mercieca jistaqsi liema uffiċjal mis-servizzi sigrieti kien għadda r-rekording lil Arnaud. Il-Qorti twaqqaf il-mistoqsija. Mercieca jkompli jistaqsi jekk l-interċettazzjonijiet tat-telfonati kinux isiru b’mandat tal-Qorti. Arnaud jgħid li ma kellux x’jaqsam mal-proċedura.

12.00: Arnaud jintalab jgħid jekk intalbitx l-assistenza tas-servizzi sigrieti fl-investigazzjoni. Arnaud jgħid li iva, b’Mercieca jistaqsi x’kienet ir-raġuni.

12.02: Arnaud jgħid li fil-każ tal-investigazzjoni kienet meħtieġa l-għajnuna tas-servizzi sigrieti, u meta ntlabu jassistu, dawn kienu diġà attivi fuq il-każ qabel saret it-talba.

12.06: Mercieca jkompli jistaqsi dwar il-persuni li kienu qed isiru interċettazzjonijiet telefoniċi tagħhom. Itenni li jekk hemm il-bżonn is-seduta tkompli fil-magħluq, madankollu Arnaud jgħid li ma kienx se jagħti din l-informazzjoni, lanqas fil-magħluq.

12.07: Il-prosekuzzjoni tobjezzjona għall-mistoqsija u l-għoti tal-ismijiet tal-persuni apparti dawk tal-aħwa Degiorgio, Vince Muscat u Melvin Theuma. Il-prosekuzzjoni żżid tgħid li l-persuni li l-ismijiet tagħhom ma jistgħux jingħataw għadhom qed jiġu investigati.

12.09: Il-Qorti tgħid li f’dan l-istadju l-għoti ta’ din l-informazzjoni tista’ tagħmel ħsara lill-investigazzjoni ladarba l-persuni inkwistjoni għadhom qed jiġu investigati.

12.18: Arnaud jgħid li l-informazzjoni mitluba mid-difiża tista’ tiġi preżentata biss mis-service provider minħabba li din faċilment tista’ tiġi editjata jew imbagħbsa.

12.22: Arnaud jiġi mistoqsi jekk rax interċettazzjonijiet dwar żewġ persuni partikolari. Arnaud iwieġeb li ma jinsab informat dwar dan. Il-Qorti tordna li l-ismijiet taż-żewġ persuni ma jixxandarx.

12.23: Arnaud jilmenta li l-avukat tad-Difiża Gianluca Caruana Curran qed jgħaddi kummenti b’mod kostanti.

12.26: Arnaud jiġi mistoqsi jekk kienx sema’ interċettazzjonijiet tal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Arnaud jinsisti li ma jafx jekk kienx qed jiġi interċettat.

12.34: Id-Difiża tissospendi l-kontro-eżami tax-xhud, bl-avukat Mercieca jgħid li l-akkużat ma jistax jibqa’ jinżamm taħt arrest għal sena sħiħa. Itenni li d-difiża mhijiex skjav tal-Prosekuzzjoni.

12.35: Arnaud jistaqsi lill-Qorti jekk humiex qed isiru sottomissjonijiet għal ħelsien mill-arrest. Il-Qorti tippermetti lil Mercieca jkompli bl-indirizz tiegħu.

12.44: il-partijiet jiddiskutu t-talba għall-aċċess tad-data li saret mid-difiża u li preċedentement ġiet rifjutata. Mercieca jgħid li ladarba l-informazzjoni tinsab fuq laptop ta’ ċittadin privat, allura l-informazzjoni għandha tiġi esibita. Il-laptop inkwistjoni huwa ta’ bint is-sieħba ta’ Melvin Theuma.

12.47: Arnaud jgħid li m’għandux problema jippreżenta l-informazzjoni relevanti lid-difiża. Yorgen Fenech jinstema’ jistaqsi lill-avukati tiegħu min jiddeċiedi dwar x’inhu relevanti jew le.

12.58: Jinħatar espert tal-Qorti biex jagħmel kopja tat-tagħmir elettroniku esibit fl-inkjesta. Il-kopji se jsiru taħt kundizzjonijiet stretti. L-informazzjoni relevanti biss se tkun esebita.

12.59: Il-kontro-eżami ta’ Arnaud se jkompli fis-seduta li jmiss.

13.00: L-avukat Mercieca jgħid li jistenna li l-kap tas-servizzi sigrieti jew rappreżentant tas-servizzi sigrieti jitla’ wkoll jagħti x-xhieda tiegħu. Arnaud jisħaq li tali xhieda ma kinitx inkluża fl-applikazzjoni sottomessa mid-difiża.

13.07: Il-Qorti tgħid lid-Difiża li qed jagħmlu talba għal interċettazzjonijiet bejn Melvin Theuma u s-sieħba tiegħu u t-tfal tiegħu. Id-difiża tallega li kien hemm konverżazzjonijiet fejn kien jiġi diskuss il-qtil ta’ Caruana Galizia. Arnaud min-naħa l-oħra qal li mhux konxju ta’ tali konverżazzjonijiet.

13.08: Mercieca jkompli jagħmel pressjoni biex isir jaf l-ismijiet tan-nies investigati. Arnaud jgħid li m’għandu l-ebda objezzjoni li jitkellem fil-privat lill-Qorti, iżda mhux li jiżvela l-isem tagħhom lid-difiża.

13.11: Mercieca jgħid li ladarba persuna tkun ikkunsidrata bħala relevanti biżżejjed biex issirilha interċettazzjoni, allura Yorgen Fenech għandu jkun informat.

13.30: Il-Maġistrat Montebello taġġorna l-każ għat-28 ta’ Diċembru. Fenech jidher jgħannaq lil ommu qabel iħalli lil awla fil-kustodja tal-Pulizija.

Ekonomija

Sport