Wednesday, July 17, 2024

AĠĠORNAT: In-numru tal-persuni li jirkupraw mill-virus ikompli jeċċedi dak tal-każi ġodda; Imut anzjan ta’ 92 sena

Aqra wkoll

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa feġġew 94 każ ġdid ta’ Covid-19 filwaqt li fiequ 110 oħra mill-virus.

Il-każi ġodda ħarġu minn fost 3,558 swab test li saru matul il-jum tal-Ħamis biex tellgħu t-total ta’ testijiet li saru sa issa mill-bidu tal-pandemija għal 479,079. 

Mis-7 ta’ Marzu li għadda sal-lum, irriżultaw b’kollox 11,569 każ ta’ Covid-19, li minnhom fiequ 9,780 u 1,606 għadhom attivi.

Il-Prof. Gauci ħabbret ukoll li miet anzjan ta’ 92 ieħor waqt li kien pożittiv għall-virus. Huwa rriżulta pożittiv fis-7 ta’ Diċembru li għadda u miet ilbieraħ fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paul.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li bħalissa hemm 18-il pazjent bil-Covid-19 li jinsabu rikoverati fl-ITU ġewwa l-Isptar Mater Dei, 12 oħra fl-IDU, 39 fi swali oħra f’Mater Dei, 5 fl-Isptar Boffa, 9 fl-Isptar San Tumas, 84 fl-Isptar tas-Sammaritan it-Tajjeb u persuna oħra fl-Isptar Monte Carmeli. 

Hija ddeskriviet bħala inkoraġġanti x-xejra li l-każi ta’ Covid-19 kienu qed jonqsu. Qalet li bħala medja qed ikollna mal-84 każ kuljum. Qalet ukoll li bħalissa hemm sitt idjar tal-anzjani fejn hemm xi każijiet tal-Covid-19, bl-awtoritajiet tas-saħħa komplew  jagħmlu testijiet kemm tal-istaff f’dawn id-djar kif ukoll tal-anzjani nfushom. 

Il-maġġor parti tal-każijiet ġodda rriżultaw fost membri tal-familja (139) u minn kollegi fuq il-post tax-xogħol (86). Bħalissa hemm 51 każ pożittiv f’Għawdex.

Dwar l-imwiet, Prof. Gauci qalet li din il-ġimgħa kellna 17-il persuna li mietu kawża tal-virus: tnejn bejn 60-69 sena, ħamsa bejn 70 u 79 sena, erbgħa bejn 80 u 89 sena filwaqt li sitta oħra kellhom ‘il fuq minn 90 sena. 

Hija tkellmet ukoll dwar it-tilqima tal-Covid-19 u qalet li hekk kif din mistennija li tiġi approvata nhar it-Tnejn illi ġej, it-tilqim ikun jista’ jibda jsir mis-27 ta’ Diċembru. Hija qalet li l-iskop tagħha huwa dak li jonqsu n-numru ta’ persuni li jkollhom kumplikazzjonijiet u anke n-numru ta’ mwiet.

“Huwa importanti li nibqgħu nsegwu l-miżuri kollha, fosthom li nevitaw l-iffullar u li nkunu f’kuntatt dirett ma’ nies li s-soltu ma nkunux magħhom. Nappella lil dawk kollha li jkunu infurmati, biex jiġu u jingħataw it-tilqima,” qalet il-Prof. Gauci.

Ekonomija

Sport