Friday, July 26, 2024

“Camilleri kien mitlub jirriżenja minħabba l-lingwaġġ li għamel użu minnu”

Aqra wkoll

Iċ-Ċermen tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, intalab jirriżenza minħabba l-lingwaġġ li uża u mhux minħabba l-argument li huwa kellu ma’ avukat parti mit-tim legali li qed jirrappreżenta lil Yorgen Fenech, li huwa akkużat li kien il-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan qalitu l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet.

B’referenza għall-argument, il-Ministru Caruana qalet li l-kwistjoni issa ġiet solvuta u kienet se tkompli taħdem flimkien ma’ Camilleri.

Il-Ministru Caruana qalet li kienet irċeviet numru ta’ screenshots b’użu ta’ lingwaġġ li hija saħqet li kull min jaqa’ taħt il-Ministeru m’għandux jikteb jew jagħmel użu minnu fil-pubbliku. Hija tenniet li meta wieħed ikun qed jesprimi opinjoni, b’mod speċjali l-edukaturi, dan għandu jsir b’mod matur.

Is-sitwazzjoni ġiet diskussa ma’ Camilleri li rrikonoxxa dan.

Nhar l-Erbgħa li għadda Camilleri kien intalab jirriżenja mill-Ministeru tal-Edukazzjoni wara li ppubblika numru ta’ messaġġi li kellu ma’ waħda mill-avukati ta’ Yorgen Fenech. F’imejl mibgħuta ftit wara mis-Segretarju Permanenti Frank Fabri, Camilleri kien mgħarraf li kien mistenni li jirriżenja b’effett immedjat.

Caruana speċifikat li Camilleri ntalab jirriżenja minħabba l-użu tal-lingwaġġ tiegħu, u mhux minħabba s-suġġett diskuss.

Ilbieraħ, permezz ta’ tweet, Camilleri talab skuża għal-lingwaġġ li uża fuq il-midja soċjali u kellu s-sejħa għar-riżenja rtirata.

Ekonomija

Sport