L-NGO BirdLife Malta kitbet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela wara l-qtil ta’ madwar 40 Astun Iswed matul din il-ġimgħa.
Il-BirdLife saħqet li hemm qbil mal-FKNK, li t-tajr tal-priża li huwa protett bil-liġi m’għandux jiġi kkaċċjat. Qalet iżda li sena wara l-oħra f’Settembru u Ottubru qed jinqatlu mijiet ta’ tajr tal-priża u għalhekk bħala għaqda ma tistax tibqa’ siekta u ma tagħmel xejn.
Fl-ittra, BirdLife Malta qalet li huwa l-obbligu tiegħu, bħala Prim Ministru ta’ pajjiż membru stat tal-Unjoni Ewropea, li dawn l-għasafar li huma protetti f’Malta u l-UE jsibu l-kenn f’pajjiżna wkoll. Dan filwaqt li temmet tgħid li jekk il-Pulizija Maltija u l-aġenziji lokali ma jkunux fi stat li jħarsu l-liġi, għandu jiġi kkunsidrat li ma jinfetaħx l-istaġun tal-kaċċa qabel il-15 ta’ Ottubru li ġej sabiex b’hekk jiġu evitati li jinqatlu mijiet ta’ għasafar protetti.