Fl-10 ta’ Awwissu 2020, BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, (Peregrine Falcon bl-Ingliż) li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. L-għasfur instab minn familja li kienet fuq btala f’Għawdex u li ċemplet lil BirdLife Malta biex tirkupra l-għasfur.
“Huwa ta’ għafsa ta’ qalb li tara għasfur maestuż bħal dan li jifforma parti mill-patrimonju kulturali tagħna jinqatel kaġun dirett ta’ bidliet fil-liġi u fil-policy li ddaħħlu biss biex jaġevolaw lil-lobby tal-kaċċaturi. Fuq l-irdumijiet tal-kosta m’għandhiex tkun permessa kaċċa għall-fenek, u l-Bies hu speċi protetta fl-ogħla livell kemm mil-liġijiet Maltin kif ukoll dawk Ewropej. Għandna saħanistra siti Natura 2000 li ġew stabbiliti bħala tali appuntu biex dawn il-falkuni jerġgħu jibdew ibejtu, imma mbagħad nagħtu konċessjonijiet bħal dawn lill-kaċċaturi li jimminaw il-valur ta’ dawn is-siti f’termini ta’ konservazzjoni,” ikkummenta l-Head of Conservation ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana kompla jgħid li “waqt li BirdLife Malta qed tħejji biex tniedi kampanja nazzjonali pożittiva biex tħeġġeġ lill-pubbliku jgawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar tul il-passa tal-ħarifa, sfortunatament dan l-inċident ikrah itappan il-bidu ta’ din il-kampanja. Irridu lill-poplu Malti u Għawdxi juri lil dan il-Gvern li n-natura u l-għasafar huma għal qalbu u li aħna lkoll irridu li l-wirt naturali tagħna jiġi mħares u mhux abbużat bil-barka ta’ gvernijiet li dejjem kienu bla sinsla fil-konfront ta’ dawk li jiksru l-liġijiet ambjentali u għamlu minn kollox biex jaġevolaw biss lil-lobby tal-kaċċaturi bħallikieku l-kumplament tas-soċjetà ma teżistix”.
BirdLife Malta appellat lill-pubbliku biex isegwi l-kampanja #onthemove li se nkunu qed inniedu għal aktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jgawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar huma u jpassu.