Monday, May 13, 2024

Birkirkara jirbħu b’żewġ goals fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Birkirkara ……………..2

Sliema Wanderers …0

Birkirkara rritornaw għar- rebħ hekk kif doppjetta ta’ Luke Montebello fit-tieni taqsima rathom jegħlbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0.

B’hekk huma telgħu fit-tieni post bi 18-il punt wara li fl-aħħar tliet partiti kienu ġabru biss punt. Min-naħa l-oħra, wara d-daqqa ta’ ħarta tat-telf tal-protest tal-logħba kontra Valletta, Sliema sofrew telfa oħra biex b’hekk baqgħu ankrati fil-qiegħ tal- klassifika.

Wara bidu kwiet, Birkirkara marru viċin meta Luke Montebello għadda l-ballun lejn Ryan Scicluna mix-xellug u x-xutt ta’ dan ta’ l-aħħar ġie mblukkat tajjeb mill-goalkeeper David Cassar.

Sliema rrispondew fl-34 minuta b’xutt mill-bogħod ta’ Gui Inters li falla bi ftit u żewġ minuti wara, huma kienu sfortunati li laqtu l-mimduda bi free-kick ta’ Edmond Agius.

Birkirkara wieġbu b’xutt qawwi  ta’ Diego Venancio li ġie salvat minn Cassar biex lejn tmiem l-ewwel taqsima, minn corner ta’ Agius, id-daqqa ta’ ras tas-sostitut Jean Paul Farrugia ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Daniel Fernandes.

Sitt minuti fit-tieni taqsima, kienu Birkirkara li fetħu l-iskor meta ngħataw penalty wara li Federico Falcone ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Juan Pablo Morales u mill-11-il metru LUKE MONTEBELLO ma żbaljax.

Il-Karkariżi komplew igawdu l-inizjattiva u fit-62 minuta Yannick Yankam temm azzjoni personali b’xutt fil-baxx li Cassar salva iżda  ma żammx b’Falcone jonqos milli japprofitta ruħu. Żewġ minuti wara, daqqa ta’ ras ta’ Jean Paul Farrugia ġiet salvata mill-goalkeeper ta’ Birkirkara.

Fis-67 minuta l-Istripes rduppjaw meta Yannick Yankam għadda l-ballun lejn LUKE MONTEBELLO fuq in-naħa l-oħra tal-kaxxa li kkontrolla qabel għeleb lil Cassar b’xutt fil-baxx.

Fis-77 minuta, Miguel Fernandes kellu xutt mill-viċin wara li Ruiz kklerja qasir imma x-xutt ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Daniel Fernandes.

BIRKIRKARA: 1-Daniel Fernandes, 2-Enzo Ruiz, 7-Luke Montebello, 8-Claudio Bonanni, 10-Paul Mbong (6-Yannick Yankam 56), 20-Federico Falcone (30-Kilian Bevis 84), 21-Ryan Scicluna, 22-Cain Attard, 27-Leandro Aguirre, 70-Jeferson Macedo, 77-Diego Venancio  – Coach: Andre Paus

SLIEMA W.: 24-David Cassar, 3-Juan Pablo Morales, 6-Gabriel Aquilina, 10-Inters Gui (9-Omar Elouni 78), 18-Edmond Agius (21-Danny Holla 65’), 19-Jake Engerer (11-Miguel Fernandes 64), 25-Yuki Uchida (77-Carlos Flores 78), 61-My­les Beerman, 71-Julius Bliek, 88-Dejan Vukovic, 99-Valmir Berisha (30-Jean Paul Farrugia 36) – Coach: Andrea Pisanu

REFEREE: Andrea Sciriha

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri

RABA’ UFF: Matthew Degabriele

SKORER: L. Montebello 51 pen, 67 (B)

AMMONITI: J. Engerer, V. Berisha, E. Agius, G. Aquilina, J. Morales, D. Cassar, D. Holla (S); L. Aguirre, R. Scicluna (B)

Sport