Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?
L-imħabba tiegħi lejn l-OCR bdiet minn meta kont żgħira imma qatt ma sibt sport li kien jogħġobni. Darba mort festin l-OCA u ndunajt li dan hu l-isport li jien dejjem xtaqt.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ivan Gauci?
Dejjem jipprova jħeġġiġni biex inkun aħjar milli jien, dejjem hemm għalija u għal kulħadd. Għandu dixxiplina kbira peró avolja jkun iebes magħna dejjem lest b’xi ċajta biex l-atmosfera ta’ bejnietna tkun waħda sabiħa.
Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?
Issa naf li l-livell ta’ dan l-isport f’pajjiżna huwa wieħed għoli ħafna speċjalment wara li sħabi li qegħdin fit-tim nazzjonali Malti għadhom kemm ikkompetew b’suċċess fil-Kampjonati Mondjali tal-OCR ġewwa l-Iżvezja u ħafna minnhom ġew fl-ewwel għaxar postijiet. Dan huwa sport vera intensiv, għax jinvolvi ġiri, teknika u aġilitá fuq l-ostakli u saħħa mentali.
Għal dawk l-atleti li jeħduha bis-serjetá, importanti li jkunu b’saħħithom f’dawn it-tliet abbiltajiet għax biex tikseb riżultati tajbin mhux biżżejjed li ma taqax minn fuq l-ostakli imma li tipprova tasal minn ta’ quddiem. Aħna hekk niġu mħarrġa fl-Obstacle Course Academy (OCA), biex ikollna livell li jħabbatha ma’ ta’ barra minn xtutna.
U dak tar riżorsi fejn titharrgu u jkollkom il kompetizzjonijiet ufficjali taghkom?
Jien inħoss li l-livell tar-riżorsi huwa għoli b’ostakli li jħabbtuha ma’ dawk li nsibu fil-Kampjonati Mondjali. F’Malta għandna kampjonat li huwa organizzat minn The Grid, Obstacle Course Academy u The Club.
Hawn aħna nikkompetu kontra l-aqwa atleti f’Malta ġo tmint itlielaq u fl-aħħar, l-aqwa ħames atleti minn kull kategorija jiffurmaw parti mit-Tim Nazzjonali Malti tal-OCR. It- tlielaq ikunu organizzati sew u jkunu ta’ livell għoli ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?
L-intenzjoni tiegħi hi li nkompli nissaħħaħ f’dan l-isport u nsir parti mit-tim nazzjonali Malti u nirrapreżenta lil pajjiżna barra minn xtutna f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.
Lil min jixtieq jibda l-OCR nixtieq ngħidilhom li mhux se jkun sport faċli mill-ewwel, imma bit-taħriġ, ħafna dixxiplina, konsistenza u fiduċja fik innifsek u fil- kowċis tasal!