Thursday, February 26, 2026

BIŻA’ DIĠITALI WARA L-QTIL TA’ “EL MENCHO”

Il-battalja kontra d-diżinformazzjoni saret kruċjali għas-sigurtà nazzjonali.

Aqra wkoll

Il-qtil tal-kap tal-kartell, Nemesio Oseguera, magħruf bħala “El Mencho”, ma qanqalx biss reazzjoni vjolenti fit-toroq tal-Messiku, iżda ta bidu għal miżinformazzjoni online li l-għan ewlieni huwa li jqanqal biża’ fost iċ-ċitttadini.

Skont rapport fil-midja barranija, ftit sigħat wara l-operazzjoni militari kontra l-mexxej tal-Jalisco New Generation Cartel, il-midja soċjali nħakmet minn rapporti esaġerati u foloz li xerrdu paniku madwar il-pajjiż kollu.

Kampanja li tindika li l-gvern tilef il-kontroll

Filwaqt li kien hemm każijiet reali ta’ vjolenza fosthom toroq imblukkati, vetturi maħruqa u attakki iżolati, fuq l-internet bdew jinxterdu stejjer dwar ajruporti maħkuma minn irġiel armati, nirien fi bliet turistiċi u kollass totali tal-ordni pubbliku. Ħafna minn dawn l-allegazzjonijiet mhumiex ivverifikati imma lanqas ġew miċħuda.

Esperti dwar id-diżinformazzjoni qalu li l-kontenut falz ma kienx każwali. Hemm indikazzjonijiet li kampanja kkordinata kienet maħsuba biex toħloq l-impressjoni li l-gvern tilef il-kontroll. F’pajjiż fejn il-kartelli ilhom jużaw il-biża’ bħala arma, issa jingħad li qegħdin jisfruttaw ukoll l-algoritmi u l-pjattaformi diġitali.

Appell: Imxu biss fuq sorsi verifikati

Il-Ministru tas-Sigurtà Messikan, Omar García Harfuch, qal li l-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw indirizzi u siti online suspettużi marbuta ma’ kriminalità organizzata. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi l-awtoritajiet lokali appellaw lill-pubbliku biex jimxu biss fuq informazzjoni minn sorsi uffiċjali. Madankollu, il-ħsara tidher li diġà saret fejn fost ċittadini, ġenituri u negozjanti, il-konfużjoni ħolqot klima ta’ inċertezza akbar mill-ġrajjiet reali fuq l-art.

L-evoluzzjoni tal-kriminalità organizzata

Din is-sitwazzjoni hija xhieda ta’ kif il-gwerra tal-organizzazzjonijiet kriminali evolviet. Dawn mhumiex biss jattakkaw bi sparaturi u blokki tat-toroq imma wkoll manipulazzjoni tal-perċezzjoni pubblika. Il-biża’ inxterdet qabel ma l-fatti laħqu lill-pubbliku.

F’soċjetà fejn l-informazzjoni tiċċirkola fi ftit sekondi, il-verità qiegħda ssir mira oħra tal-konflitti u waqt li l-forzi tas-sigurtà jkomplu l-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata, il-battalja kontra d-diżinformazzjoni hija daqstant kruċjali għas-sigurtà nazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport